Fi Pjazza Kastilja tnieda l-programm tal-Europride 2023, li se jkun qiegħed isir fil-Belt Valletta bit-tema ‘Equality from the Heart’.
Il-programm jinkorpora fih diversi attivitajiet li se jsiru tul ix-xahar ta’ Settembru fl-akbar ċelebrazzjoni Ewropea marbuta mad-drittijiet ċivili.
Il-Europride ta’ din is-sena se ssir f’Malta wara li l-Allied Rainbow Communities rebħet in-nomina biex pajjiżna jospita dan l-avveniment. Fil-fatt, wara r-rebħ tan-nomina, ngħata bidu għal ħidma sfiqa biex dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jiġu organizzati kif jixraq.
Fi Pjazza Tritoni se jkun hemm il-Pride Village u huwa proprju mill-istess pjazza li se jkun qiegħed jingħata bidu għall-għaxart ijiem tal-Europride. Madanakollu, l-attivitajiet se jinfirxu f’diversi pjazez oħra fil-Belt Valletta u anki fil-gżira Għawdxija.
Fit-8 ta’ Settembru se jsir djalogu bis-sehem tal-Kummissarju Ewropew għad-Drittijiet Ċivili, Helena Dalli, fost djalogi oħrajn li se jkunu qegħdin jinkludu wkoll il-parteċipazzjoni ta’ diversi msieħba soċjali.
Barra minn hekk, matul dawn l-għaxart ijiem, se jkun hemm diversi avvenimenti oħra ta’ divertiment. Fost l-oħrajn, fil-ftuħ tas-7 ta’ Settembru se jieħdu sehem Netta, Koncita, u Catrina & the Waves, li lkoll huma rebbieħa tal-Eurovision, u oħrajn lokali.
Fid-9 ta’ Settembru, l-attenzjoni se tkun qed iddur fuq Għawdex li wkoll se jkun qiegħed jingħaqad ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, wara li s-sena li għaddiet Għawdex organizza l-Pride March għall-ewwel darba.
Fis-16 ta’ Settembru, imbagħad, se jispikka l-Pride March, li għandu l-għan li jippromwovi l-ugwaljanza. Wara l-Pride March se jsir kunċert fuq il-Fosos ta’ Furjana li se jinkludi wkoll is-sehem ta’ Christina Aliguera.
Il-President tal-ARC, Maria Azzopardi, qalet li dan l-avveniment kien il-ħolma tal-komunità li tmexxi. Kien għalhekk li l-ARC embarkat fuq ħidma sfiqa bil-għan li l-Europride ta’ din is-sena juri lil pajjiżi lil hinn minnha l-importanza tal-ugwaljanza.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, fakkret kif kien biss sitt snin ilu meta pajjiżna daħħal iż-żwieġ għal kulħadd, u issa pajjiżna se jkun qed jospita dan l-avveniment tant importanti għall-komunità LGBTIQ+.
Rebecca Buttigieg innotat li l-għan tal-Europride mhuwiex biss wieħed ta’ ċelebrazzjoni iżda wieħed li jippromwovi l-ugwaljanza anki fuq livell internazzjonali. L-għan aħħari jibqa’ dak li kull persuna madwar id-dinja tgawdi minn drittijiet ugwali.
Aktar dettalji dwar l-avvenimenti li se jżewqu l-Europride 2023 jinsabu fuq is-sit elettroniku europride2023.mt.