Il-Ħamis filgħaxija, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech mar quddiem Kastilja biex jippolitiċizza l-Covid-19.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-istunt politiku tal-Kap tal-Oppożizzjoni huwa offiża għall-familji tal-vittmi tal-Covid-19 li mhux interessati f’partiġġjaniżmu.
Fil-fatt dan l-att ġab l-istmerrija ta’ bosta, fosthom qraba ta’ persuni li mietu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19.
Dawn ħassewhom imweġġa’ għal mod kif Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista uża l-imwiet biex imur fuq it-taraġ ta’ Kastilja u jipprova jiskorja punti politiċi.
Artiklu fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista li rrapporta dak li sar mill-Partit Nazzjonalista ukoll ġab reazzjoni ta’ rabja u stmerrija, bil-midja Nazzjonalista toqgħod attenta u ma tagħmilx referenza għal Kap li xorta nqabad li kien preżenti, permezz ta’ ritratt.
Persuna qalet kif il-Partit Nazzjonalista qed jinqeda bil-vittmi u s-sensazzjonalizmu. Żiedet tgħid li għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ staġnat u b’din il-mentalità qed jitfarrak.
Xi ħadd ieħor qal kif li titlef qarib tiegħek bil-Covid-19 hija diġà xi ħaġa diffiċli u b’dak li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista qed jinsulta iżjed lil dawk il-qraba tal-vittmi tal-Covid-19.
Persuna oħra qalet kif dak li għamel il-Partit Nazzjonalista huwa tal-mistħija u inkredibbli għaliex il-qraba tal-vittmi żgur mhux jieħdu gost b’min qed jinqeda bil-vittmi tal-Covid-19.
Intqal ukoll kif il-Partit Nazzjonalista sar tal-biża’.
Persuna oħra staqsiet kif il-partit ta’ Grech ma jistħix jinqeda bil-mard u l-mewt u sejjaħlu ipokrita.
Persuna oħra qalet kif dan huwa insult kbir għal min ġarrab it-telfa ta’ xi ħadd qarib tiegħu bil-Covid-19.
Ħaddieħor talabhom jitfgħu l-fjuri f’xi ċimiterju u mhux quddiem Kastilja.
Intant id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg faħħret dak li mar jagħmel Bernard Grech u l-fergħa taż-żgħażagħ tiegħu.
Quddiem dan kollu, il-Partit Laburista saħaq ukoll li l-preżenza ta’ Bernard Grech quddiem Kastilja juża l-imwiet għall-gwadann politiku tixhed kif Grech huwa mhedi f’politika partiġġjana li tieħu gost bid-deni filwaqt li ma tipproponi xejn.
Fakkar kif filwaqt li pajjiżna jinsab fuq quddiem nett fl-Unjoni Ewropea jlaqqam lin-nies, il-kumitat ta’ politiċi li ħatar Bernard Grech ma ħariġx b’imqar proposta waħda ta’ kif niġġieldu aħjar din il-pandemija.