B’mod uffiċjali, ġiet stabbilita l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, biex b’hekk tlestiet it-tranżazzjoni minn aġenzija għal awtorità. Dan tħabbar waqt żjara f’sit ta’ kostruzzjoni mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius.
B’hekk tlestiet riforma oħra kruċjali f’dan is-settur.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius stqarr li permezz ta’ din l-awtorità, diversi entitajiet se jitpoġġew taħt umbrella waħda, sabiex jingħata servizz aktar ħolistiku lill-pubbliku.
Qal, “It-twaqqif tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni hija wegħda oħra mwettqa tal-manifest elettorali tal-Partit Laburista, fejn fiha qed jinġabru l-Uffiċċju u l-Bord tal-Bini u r-Regolamenti, u l-Bord tal-Bennejja. Matul dawn is-sentejn għamilna numru ta’ bidliet u fiż-żmien li ġej se naraw li jkomplu jseħħu l-bidliet sabiex din l-industrija tkompli tikber u tissaħħaħ.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ din l-awtorità, Karl Azzopardi, qal li minkejja t-tibdil, ma ntilef ebda ħin, hekk kif il-fergħa eżekuttiva tal-awtorità diġà qiegħda timmira għal trasformazzjoni fis-settur.
Qal, “Ħdimna fuq pjan t’azzjoni li jirrigwardja affarjiet bażiċi u wieħed minnhom huwa r-reġistrazzjoni tal-kuntratturi u dawk li jaħdmu għal rashom, biex ovjament inħarsu lejn linji gwidi li prattikament jara u jissalvagwardja l-binja, kemm meta tkun qed tinbena, kif ukoll il-futur tagħha.”
Intant, il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar, Aaron Farrugia, tenna li r-reġistrazzjoni tal-kuntratturi hija pass importanti għal regolamenti aħjar u ħeġġeġ lill-kuntratturi li għadhom ma rreġistrawx sabiex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli.
Spjega, “Fl-aħħar xhur rajna riforma wara l-oħra f’dan is-settur, fosthom iktar spezzjonijiet f’siti bħal ma ninstabu fihom hawn illum, kif ukoll il-possibilità li jkun hemm analiżi fuq dikjarazzjonijiet li jidħlu għand l-awtorità. B’hekk nagħmlu industrija tant importanti għal pajjiżna, waħda iktar sostenibbli.”