Waqt li kompliet kawża b’rabta mal-inkjesta tal-isptarijiet quddiem l-Imħallef Edwina Grima, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, Eunice Grech Fiorini, u l-Kontrollur Finanzjarju fl-istess aġenzija, Bernice Bugeja, ikkonfermaw li qatt ma ġie iffirmat xi kuntratt mal-esperti barranin li ħadmu fuq l-inkjesta dwar l-isptarijiet u lanqas kien hemm xi ittra tal-ingaġġ.
Mistoqsijin dwar kif, allura, ġew stabbiliti r-rati tal-ħlasijiet lill-esperti, iż-żewġ uffiċjali wieġbu li huma mxew direttament mad-digriet tal-Maġistrat Gabriella Vella u t-talbiet għall-ħlasijiet kienu jitressqu lilha u tapprovahom.
Sar magħruf ukoll li, minkejja li l-esperti nħatru mill-Maġistrat Vella fuq bażi individwali, il-ħlasijiet dejjem saru lil kumpaniji, fosthom Harbinson Forensics tal-espert Irlandiż Jeremy Harbinson. Din il-kumpanija ġiet xolta immedjatament wara li ntemmet l-inkjesta.
Fil-bidu tas-seduta l-Ġimgħa filgħodu, il-Kontrollur Finanzjarju tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti ppreżentat numru ta’ rċevuti b’rabta max-xogħol tal-esperti fuq l-inkjesta tal-isptarijiet.
Minħabba li wħud minnhom ikopru xogħol fuq aktar minn inkjesta waħda, l-Avukati difensuri Franco Debono u Mark Vassallo talbu li jingħataw dettalji relatati max-xogħol fuq l-inkjesta tal-isptarijiet u fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol.
L-Avukat Debono qal li qed isiru dawn it-talbiet għax dan mhux każ normali fejn espert partikolari qiegħed iqajjem suspetti bl-aġir tiegħu li ma jridx jixhed u billi illikwida l-kumpanija tiegħu. Saħaq li issa sar anke magħruf li l-esperti tħallsu ammonti konsiderevoli bla rbit ta’ xejn, waqt li akkwistaw kemm felħu u qed jitolbu iżjed ħlasijiet biex jiġu jixhdu.
L-Imħallef Grima qalet li, filwaqt li l-Avukat Debono għandu raġun jgħid dak li qal dwar Harbinson, li wieħed idur kull invoice biex jara l-esperti xi tħallsu mhux neċessarjament hu relevanti għall-proċeduri li hemm quddiemha dwar l-ordnijiet tal-iffriżar.
L-Avukat Luke Dalli, li qed jidher f’isem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, spjega li minħabba li, fis-seduti li jmiss se jintalbu jixhdu l-esperti infushom, huma bħala avukati difensuri jkollhom bżonn informazzjoni li fuq il-bażi tagħha jsiru l-mistoqsijiet.
Għall-mistoqsija tal-Avukat Dalli dwar jekk l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti wettqitx xi eżerċizzju biex tara jekk kienx hemm invoices doppji, il-Kap Eżekuttiv wieġbet li ma tafx, bl-avukat tad-difiża jirrimarka li dan ifisser li allura mhemmx konferma jekk hemmx irċevuti doppji.
Minkejja dan, ONE News żvela, fl-aħħar jiem, li kien hemm mill-inqas sitt ijiem ta’ xogħol li għalihom tressqu rċevuti doppji u dawn spiċċaw tħallsu.
Sadanittant is-seduta tal-Ġimgħa ġiet aġġornata għat-Tlieta 8 t’April fejn se jintalbu jixhdu tlieta mill-esperti barranin, li ħadmu fuq l-inkjesta.
Minkejja li l-inkjesta tal-isptarijiet swiet lil pajjiżna iżjed minn €11-il miljun, l-Imħallef Grima qalet li ma setgħetx issib l-indirizzi fiss ta’ tnejn minnhom u kellhom ikunu l-istaff tagħha li rnexxielhom isibu l-indirizzi elettroniċi tagħhom, waqt li fil-każ tal-ieħor instab l-indirizz fiss, iżda mhux l-imejl.