Ir-riżors uman tal-Aġenzija għall-Infurzar Lokali (LESA) kompla jissaħħaħ hekk kif 14-il persuna bdew jaqdu l-irwol ta’ uffiċjali tal-komunità. Għal dawn l-aħħar ġimgħat huma ngħataw it-taħriġ neċessarju fl-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati biex b’hekk issa jistgħu joħorġu jwettqu x-xogħol tagħhom favur iktar dixxiplina fit-toroq Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif l-uffiċjal tal-komunità għandu rwol importanti ferm fis-soċjetà u għandu jkun meqjus bħala ħabib ta’ dawk iċ-ċittadini li jridu l-ordni fil-komunità. Il-Ministru tkellem dwar il-ħtieġa li l-uffiċjali tal-komunità jmexxu bl-eżempju u jinforzaw il-liġi mhux b’sens ta’ arroganza iżda b’sens ta’ dixxiplina biex tassew ikollna komunitajiet aktar siguri.
Fisser kif l-irwol tagħhom bħala uffiċjali tal-komunità qed joħroġ evidenti anke bħalissa meta d-dinja qed tiffaċċja pandemija bil-ħaddiema tal-LESA qed jaqdu rwol importanti biex jinforzaw l-ilbies tal-maskri, fost oħrajn fuq it-trasport pubbliku u l-Gozo Channel. Fix-xhur li għaddew kienu anke kruċjali biex tqassmu l-mediċini lill-anzjani fi djarhom.
“Qegħdin turu li l-ħidma tagħkom tmur lil hinn minn ċitazzjoni. Ibqgħu aħdmu biex tħarsu u tgħinu l-komunità”, qal il-Ministru Camilleri li tkellem ukoll dwar l-impenn tal-Gvern li jagħtihom faċilitajiet biex jaħdmu.
Fil-fatt l-Ministru Camilleri ħabbar investiment ta’ ħamsin elf ewro f’apparat elettroniku ġdid li se jgħin lill-uffiċjali jkunu aktar effettivi fil-qadi ta’ dmirijiethom. Fid-diskors tiegħu, il-ministru nnota kif l-Aġenzija LESA illum qed tinvesti f’aktar taħriġ u riżorsi. “Dan l-investiment huwa importanti bil-għan li jkollna lokalitajiet iktar siguri u organizzati”, ikkonkluda il-Ministru Camilleri.