Wara qabda ta’ €15,320 fi flus kontanti minn passiġġier mill-port, membri ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus fi ħdan id-Dwana interċettaw €51,310 oħra fi flus kontanti. Il-flus ġew interċettati f’żewġ każijiet separati ta’ passiġġiera li kienu se jitilqu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għal Istanbul it-Turkija.
Fl-ewwel każ l-uffiċjali tad-Dwana sabu Sirjan li kellu fil-pussess tiegħu €10,265 fi flus kontanti mhux iddikjarati. Din is-sejba saret wara tfittxija bir-reqqa bil-flus jinstabu fil-bagalja tal-passiġġier.
Fit-tieni każ, ċittadin ieħor Sirjan li kien se jitlaq mal-istess titjijra ddikjara ammont falz. Huwa ddikjara €40,000 mentri kellu €41,045 filwaqt li l-flus iddikjarati ma kinux kollha tiegħu.
Intant, il-passiġġieri ffirmaw ftehim sabiex tinstab soluzzjoni mingħajr il-bżonn li jidħlu l-Qorti, filwaqt li ġew immultati hekk kif titlob il-liġi.
Dan huwa t-tieni każ f’temp ta’ 24 siegħa fejn id-Dwana żammet flus li ma ġewx iddikjarati jew li l-ammont iddikjarat kien falz.
Il-pulizija ġie infurmata bil-każ għal aktar investigazzjonijiet.