Uffiċjali ta’ korp dixxiplinat irċivew aktar minn miljun u mitejn elf ewro fi ħlasijiet skont kif imħabbar fil-baġit. Dan b’rikonoxximent tal-ħidma importanti li dawn il-ħaddiema jwettqu.
Stqarrija mill-Ministeru għall-Intern spjegat li l-ewwel pagament ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru tal-2023 sal-aħħar ta’ Settembru tal-2024.
Dawk li bbenefikaw qegħdin jaħdmu snin addizzjonali fuq id-29 sena ta’ servizz u issa qegħdin igawdu minn dan il-ħlas li fuq erba’ snin huwa ekwivalenti għal sentejn paga u li huwa kkalkulat fuq is-salarju bażiku tal-grad li fih l-uffiċjal ikun iservi.
Ħaddiema li llum, b’emendi legali li għamel dan il-Gvern, għandhom ukoll għażla – li jew jieħdu dan il-pagament fl-għeluq l-erba’ snin addizzjonali fuq id-29 sena ta’ servizz jew f’għeluq kull sena għal erba’ snin.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li dan huwa investiment dirett fil-kundizzjonijiet tal-Korpi Dixxiplinati u fil-familji tagħhom.
Dan jikkumplimenta it-titjib li sar fil-pensjoni tas-servizz. Dan hekk kif din żdiedet bi 23% għal dawk il-ħaddiema li jkunu rtiraw wara 29 sena ta’ servizz.
Flimkien mat-tħaddim tal-qafas legali li bih kull ħaddiem li jkun wettaq servizz u jkun kompla jservi fuq il-25 sena ta’ servizz, ikollu pensjoni tas-servizz assigurata, flimkien ukoll mat-tħaddim ta’ pensjoni tas-servizz għal romol ta’ ħaddiema fil-korpi dixxiplinati.
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li hija din il-politika li jemmen fiha dan il-Gvern, li jippremja l-bżulija billi jinvesti fil-ħaddiema. Bit-track record tal-Gvern jitkellem waħdu, b’dak li wiegħed illum m’għadux fuq il-karta imma qiegħed jagħmel differenza fil-ħajja ta’ dawn il-ħaddiema u tan-nies Maltin u Għawdxin hekk kif il-Korpi Dixxiplinati jsarrfu kundizzjonijiet aqwa f’servizz dejjem aħjar.