Wara l-proposti mill-komunità tal-kaċċaturi, il-Gvernjiddikjara moratorju fuq il-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa
Fi stqarrija ntqal li “l-Gvern ikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet maturi u responsabbli li għamlet il-komunità tal-kaċċaturi lokali, rappreżentati mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti – Malta (FKNK) u appoġġjati mill-Kaċċaturi San Ubertu (KSU) is-Sibt li għadda.”
Żied li wara li ra wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-International Union for the Conservation of Nature (IUCN) u l-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern qabel li jiddikjara moratorju fuq l-applikazzjoni tad-deroga tal-kaċċa għall-gamiema fir-rebbiegħa. “Il-moratorju għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm il-manutenzjoni f’livell sodisfaċenti tal-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi fl-Unjoni Ewropea jiġi aċċertat xjentifikament,” qal il-gvern.
Żied ukoll li fil-preżent, m’hemmx evidenza xjentifika li turi li d-deroga limitata ta’ Malta għandha impatt fuq il-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi. “In-numru ta’ gamiem permess li jiġi kkaċċjat (massimu ta’ 5,000 gamiema) taħt sorveljanza stretta permezz ta’ deroga kien ferm anqas mil-limitu stipulat mid-Direttiva tal-Għasafar li tippermetti 1% tal-mortalità annwali tal-popolazzjoni, u negliġibbli fuq skala Ewropea,” qal il-Gvern.
“Madankollu, Malta volontarjament se tapplika dan il-moratorju bħala miżura ta’ prekawzjoni biex tippermetti li ssir evalwazzjoni xjentifika imparzjali u oġġettiva fuq livell Ewropew sabiex jiġu stabbiliti l-kawżi tat-tnaqqis tal-popolazzjoni tal-gamiema u biex jiġu pprovduti l-miżuri meħtieġa għall-konservazzjoni ta’ din l-ispeċi fl-Ewropa,” qal il-Gvern.
Minħabba li fil-passat Malta għamlet bosta riċerka u monitoraġġ xjentifiku fuq il-gamiema, il-Gvern se jfittex li jikkontribwixxi fil-proċess tekniku u xjentifiku għall-aġġornament tal-Pjan ta’ Immaniġjar tal-UE għal din l-ispeċi, li se jipprovdi informazzjoni dwar l-istat tal-Gamiema, l-ekoloġija, it-theddid, kif ukoll l-azzjonijiet ewlenin meħtieġa biex itejbu l-istat tal-popolazzjoni tal-Gamiema fl-Ewropa.
L-IUCN identifikat l-ikbar theddid li qed jaffettwa t-tnaqqis tal-Gamiema. Dawn huma: it-trasformazzjoni ta’ art agrikola, il-qerda ta’ siġar u arbuxxelli li jifirdu għelieqi minn oħrajn, telf ta’ abitati semi-naturali, bidliet fil-prattiċi agrikoli, l-użu ta’ erbiċida, mard, id-deżertifikazzjoni u n-nixfa, kif ukoll kompetizzjoni ma’ speċi oħra.