L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta’ Malta (NAO) illum ospita laqgħa bilaterali ma’ uffiċjali għolja mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika taċ-Ċina (CNAO) fil-bini tal-NAO fil-Furjana. Din il-laqgħa essenzjalment iffukat fuq skambju ta’ għarfien u esperjenzi bl-għan ewlieni li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ Uffiċċji Nazzjonali tal-Verifika.
Id-delegazzjoni tas-CNAO kienet immexxija mis-Sur Li Feng, Deputat Awditur Ġenerali, u inkludiet lis-Sur Dai Huahu, Deputat Awditur Ġenerali u s-Sur Zhang Jun, Uffiċċju tal-Programm u Interpretu. Id-delegazzjoni kienet akkumpanjata mill-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta s-Sur Yu Dunhai.
Id-delegazzjoni u l-Ambaxxatur ġew milqugħa fil-bini tal-NAO mis-Sur Charles Deguara, Awditur Ġenerali, u s-Sur Noel Camilleri, Deputat Awditur Ġenerali. Ma’ dawn imbagħad ingħaqdu uffiċjali għolja mill-NAO li jirrappreżentaw it-taqsimiet kollha fi ħdan l-Uffiċċju.
Matul din il-laqgħa estensiva ta’ ġurnata, saru preżentazzjonijiet u diskussjonijiet bejn iż-żewġ uffiċċji nazzjonali tal-awditjar dwar il-prattiki u l-metodoloġiji tal-awditjar taż-żewġ istituzzjonijiet. Saru wkoll preżentazzjonijiet dwar studji ta’ każijiet ta’ awditjar relatati mat-teknoloġija tal-informatika u verifiki ambjentali.
Il-laqgħa serviet bħala prekursur għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ istituzzjonijiet nazzjonali tal-awditjar.
Fi tmiem il-laqgħa, iż-żewġ Kapijiet tad-delegazzjoni, is-Sur Charles Deguara u s-Sur Li Feng esprimew l-apprezzament tagħhom kif iż-żewġ naħat ħadu sehem fid-diskussjonijiet li saru matul il-ġurnata u kif qasmu bejniethom kull informazzjoni bl-aktar mod ħieles u sinċier. Huma affermaw mill-ġdid ir-rieda tagħhom għal kollaborazzjoni bilaterali msaħħa bejn iż-żewġ istituzzjonijiet nazzjonali tal-awditjar.