Din il-ġimgħa, mit-Tnejn 13 sal-Ħadd 19, hija waħda importanti għall-amministrazzjoni tal-Malta Motorsport Federation u l-organi ewlenin fi ħdana. Hija ġimgħa intensiva fejn uffiċjali mill-Fédération Internationale de l’Automobile (FIA) u l-Automobile Club d’Italia (ACI) jinsabu f’Malta, li bil-kompetenza tagħhom fl-attivitajiet ta’ taħriġ u żvilupp li se jsawru l-futur tal-Motorsport f’Malta.
Waħda mill-għanijiet prinċipali din il-ġimgħa hija t-tiġdid u l-aġġornament tal-pjanijiet tas-sigurtà għall-Kampjonat Nazzjonali tal-Hillclimb. Dan il-pass isaħħaħ l-impenn biex tiġi żgurata is-sikurezza u s-sigurtà tal-parteċipanti kollha.
L-iskrutinjatur tal-ACi Giuseppe Nunzinate qed jagħti kors ta’ Skrutinju għall-iskrutinieri tal-Karting.
Gianluca Marotta, Alessandro Ferrari, u Valerio Brizolari, li huma Direttur u Steward tal-ACI u tal-FIA, rispettivament, qed imexxu kors għal Stewards, Clerks Of the Course, u Race Directors, lill uffiċjala Maltin attwali kif ukoll prospettivi biex jarmawhom bil-ħiliet u għarfien meħtieġ.
It-tobba Franceso Petrucci u Max Girgenti, membri tal-istaff mediku tal-ACI u tal-FIA, se jħarrġu tobba lokali fit-tmexxija medika tal-isport tal-karozzi.
Żewġ stewards lokali diġà ċċertifikati mill-FIA u oħrajn prospettivi se jsegwu l-kors ta’ tlett ijiem bejn il-Ġimgħa 17, u jispiċċaw b’eżamijiet il-Ħadd 19, bħala Clerk Of the Course Circuit, Clerk Of the Course Hillclimb, Race Director Circuit, Race Director Hillclimb, Race Director Circuit, Race Director Karting, u Stewards f’livelli differenti.
B’ħarsa ‘l quddiem, il-fażi li jmiss minn dan proġett toffri opportunitajiet eċċitanti. L-uffiċjali l-ġodda jistgħu jattendu avvenimenti barranin ma’ uffiċjali tal-ACI u tal-FIA, filwaqt li jieħdu rwoli attivi f’avvenimenti internazzjonali. Din l-esperjenza se ttejjeb il-ħiliet tagħhom u tippermettilhom jassistu f’avvenimenti internazzjonali barra l-pajjiż.
Dan il-proġett sinifikanti, li fih huma involuti madwar 40 persuna, jassigura li l-istaff kollu tal-operat ikun lest biex iħaddem il-Faċilitajiet Omologati tal-FIA li qed jinbnew bħalissa u oħrajn ġodda diġà ppjanati. L-FIA u SportMalta qedin parzjalment jiffinanzjaw dan it-taħriġ.