Għoxrin uffiċjal Malti mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għaddejjin b’operazzjoni tat-tifi tan-nar fil-Greċja. Dan wara talba għall-għajnuna mill-Gvern Grieg, fejn għat-tieni darba, id-Dipartiment Malti qed jassisti bl-għajnuna ta’ erbgħin uffiċjal, maqsuma f’żewġ timijiet.
L-ewwel tim wasal ftit tal-jiem ilu u l-uffiċjali bdew b’din l-operazzjoni ppjanata biex tevita diżastri li jistgħu jseħħu, bħala riżultat li n-nirien fil-foresti jkomplu jinfirxu jew minħabba nuqqas ta’ riżorsi.
Tkellimna maċ-Chief Assistance and Rescue Officer li qed imexxi l-ewwel tim Malti, li qed jassisti fil-Greċja.
“Aħna l-ewwel ġurnata, li konna hawnhekk, ġejna deployed immedjatament fuq fabbrika ta’ recycling plastic bil-foresta ħdejha taqbad. Qattajna bejn għaxar sigħat u tnax-il siegħa niġġieldu dawn in-nirien mal-kollegi Griegi. Impressjonajnihom. Aħna tefgħuna f’din iż-żona wara li esperjenzaw it-tip ta’ xogħol u l-kapaċitajiet tagħna mis-sena l-oħra.”
Michel Galea – CARO, CPD
Galea spjegalna kif is-sħana, li hemm, ma tgħin xejn f’operazzjoni bħal din, flimkien mat-tip ta’ veġetazzjoni li sabu. Kellimna dwar sfida oħra li ltaqgħu magħha f’din l-operazzjoni.
“Il-pompa tagħtik biss ċertu għoli, allura inti trid tagħmel dawk li jgħidulhom, booster pumps. Waħda mill-akbar challenges, mhux għalina biss, anke għall-Griegi, hi d-delivery tal-ilma, għalhekk aħna waqt li qed ngħinu lill-kollegi Griegi, we rely a lot fuq l-areal means, fuq l-ajruplani, li jgħinuk ħafna. Huma li jaqtgħu l-qofol tan-nar kbir, inti mbagħad tiċċirkola n-nar biex jaqta’ u ma jibqax jinfirex.”
Michel Galea – CARO, CPD
Iċ-Chief Assistance and Rescue Officer spjegalna li operazzjonijiet bħal dawn, minbarra li juru solidarjetà ma’ pajjiżi oħrajn, iħejju aħjar lill-uffiċjali Maltin b’esperjenzi li, fil-fatt, jistgħu jużawhom f’Malta f’każ ta’ traġedji naturali.
“Wara li jispiċċa Tim B mid-deployment, aħna nagħmlu post-mortem, niltaqgħu jiena u l-kollega tiegħi bħala team leaders u nagħmlu r-rapport tagħna fejn aħna nanalizzaw l-added value li ħareġ minn dawn l-operations, kif nistgħu ntejbu r-rispons tagħna fil-futur, kif nistgħu l-għarfien, li nkunu ksibna, ngħadduh lil sħabna through lectures jew waqt ir-reklutaġġi, u wkoll kif nistgħu ntejbu l-apparat tagħna u x’apparat nistgħu nixtru biex intejbu l-effiċjenza tan-nies.”
Michel Galea – CARO, CPD
L-ewwel tim se jtemm il-ħidma tiegħu fil-Greċja fl-aħħar ta’ Lulju, filwaqt li t-tieni tim ta’ għoxrin uffiċjal ieħor jibda l-ħidma tiegħu fil-Greċja mill-ewwel t’Awwissu sas-sittax tax-xahar.
Minkejja dawn ir-riżorsi Maltin barra l-pajjiż, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu r-riżorsi kollha lokalment biex jekk jinqala’ xi ħaġa, dejjem ikun lest biex jassisti.