Għoxrin uffiċjal għoli, li jaħdmu fis-Servizz Pubbliku Malti, attwalment qed jipparteċipaw fi programm bl-isem ta’ ‘Executive Leadership Programme’, taħriġ internazzjonali mmexxi minn professjonisti mill-Emirati Għarab Magħquda (UAE).
Dan qed isir b’kollaborazzjoni bilaterali bejn Malta u l-istess Emirati Għarab Magħquda, bħala parti minn ftehim iffirmat is-sena li għaddiet f’Dubai.
Dan tħabbar waqt konferenza, li għaliha kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, kif ukoll il-Viċi Ministru tal-Affarijiet tal-Kabinett għall-Kompetittività u l-Bdil tal-Esperjenza tal-Emirati, Abdulla Nasser Lootah.
Is-Segretarju Parlamentari Malti spjega li, permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, ħaddiema fis-Servizz Pubbliku qed jingħataw taħriġ li jsaħħaħ ukoll is-servizz li jagħtu liċ-ċittadini f’pajjiżna.
Azzopardi Tanti qal li “dan il-programm ta’ eċċellenza jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni u l-iżvilupp professjonali. Għaldaqstant qed nagħtu opportunità lill-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku biex ikomplu jikbru professjonalment u jkomplu jipprovdu servizz eċċellenti lill-pubbliku”.
Min-naħa tiegħu, il-Viċi Ministru Abdulla Nasser Lootah saħaq li t-tnedija tal-Executive Leadership Programme f’Malta hi xhieda tal-koperazzjoni bilaterali bejn iż-żewġ gvernijiet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Silvio Scerri, irringrazzja lill-kontropartijiet mill-Emirati għall-appoġġ li rċevew mingħandhom, waqt li tenna li din il-kollaborazzjoni se tissokta biex ikomplu jinħolqu aktar opportunitajiet ġodda.