Għall-ewwel darba, l-uffiċjali fil-Faċilità Korrettiva qed jiġu rikonoxxuti b’mod formali għal servizz twil u effiċjenti. F’ċerimonja fil-Faċilità, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela u d-Direttur tal-Faċilità Paul Debattista ppreżentaw ċertifikati ta’ rikonoxximent lil disa’ uffiċjali korrettivi li matul is-sena li għaddiet irtiraw bis-servizz tagħhom wara 25 sena jew bl-età tal-irtirar. Il-Ministru għall-Intern iddeskriva ċ-ċerimonja bħala waħda simbolika tal-valur mogħti lix-xogħol fil-qasam korrettiv.
Żewġ uffiċjali korrettivi oħra, Ramon Theuma u Dennis Thorton li għadhom fis-servizz, ġew ippreżentati b’ċertifikati ta’ kommendazzjoni għall-azzjonijiet eżemplari li ħadu waqt li kienu qegħdin barra mill-ħin tax-xogħol tagħhom, u għall-interventi f’waqthom fil-komunità biex il-Pulizija rnexxielha tressaq il-Qorti persuni mixlija b’każijiet ta’ serq fil-lokalitajiet tal-Ħamrun u ta’ Ħal Qormi rispettivament.
Il-Ministru Carmelo Abela tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern f’konformità mal-programm elettorali sabiex jitnaqqsu l-anomaliji u d-differenzi bejn il-korpi dixxiplinati. Qal li wara emendi legali, l-uffiċjali korrettivi flimkien mal-membri tal-Protezzjoni Ċivili ġew intitolati għall-midalji ta’ Ġieħ ir-Repubblika, li huma l-ogħla rikonoxximent li jista’ jagħti l-Istat. Bħalissa għaddejja l-ħidma sabiex dawn ir-regolamenti jidħlu fis-seħħ.
Il-Ministru Abela żied li riċentament l-uffiċjali korrettivi tal-Faċilità ġew mogħtija d-dritt tal-pensjoni wara 25 sena servizz. Il-Ministru saħaq dwar l-importanza tar-rwol tal-uffiċjal fir-riforma tal-imġiba tar-residenti fil-Faċilità, u qal li ġieli ltaqa’ ma’ residenti li qalulu li bil-kelma t-tajba u bl-attenzjoni tal-uffiċjali korrettivi, irnexxielhom jaqbdu t-triq tar-riabilitazzjoni.
Ikkonkluda billi tenna l-impenn tal-Gvern biex issir bidla fl-ismijiet, minn ‘Ħabs’ għal ‘Faċilità Korrettiva’ u minn ‘gwardjan’ għal ‘uffiċjal korrettiv’ u tkompli tiġi murija f’azzjonijiet favur il-korrezzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid.
Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali li rċevew dan iċ-ċertifikat esprimew l-apprezzament u r-ringrazzjament tagħhom għad-deċiżjoni li minn issa ‘l quddiem kull sena se tibda ssir ċerimonja simili li tirrikonoxxi x-xogħol tal-uffiċjali korrettivi.