Uffiċjali Amerikani jinsabu f’Tel Aviv l-Iżrael għal taħdidiet dwar il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, bit-tama li jkun hemm qbil għall-waqfien mill-ġlied li intensfika fil-bidu ta’ din il-ġimgħa.
It-taħdidiet se jsiru ma’ uffiċjali Iżraeljani, Palestinjani u tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Intant, kmieni s-Sibt filgħodu l-Iżrael wettaq attakki mill-ajru fuq Gaża, bil-militanti Palestinjani jwieġbu għal dan l-attakk b’rokits sparati lejn il-belt Iżraeljana ta’ Beersheba.
Kelliem għall-Ministeru għas-Saħħa Palestinjan qal li l-attakk ta’ dalgħodu li sar mill-Iżrael qatel minn tal-inqas seba’ persuni, fosthom nisa u tfal li kienu f’kamp tar-refuġjati fil-punent tal-belt ta’ Gaża.
Fl-aħħar ħamest ijiem, il-ġlied ħalla aktar minn 130 persuna mejta f’Gaża, filwaqt li l-Iżrael irraporta tmien fatalitajiet.