Il-kuntistabbli Adrian Mackay, stazzjonat fit-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit, ħa l-premju tal-‘Uffiċjal tas-Sena’, f’ċerimonja li ssir kull sena biex tirrikonoxxi u tippremja diversi uffiċjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta għal ħidma li tkun spikkat matul is-sena.
Mackay rebaħ dan il-premju għad-dedikazzjoni u l-impenn tiegħu għas-sigurtà li jestendu ferm iżjed mill-konfini tas-sigħat tax-xogħol tiegħu.
Fil-fatt, bil-ħiliet investigattivi tiegħu u d-determinazzjoni fil-karriera, il-Kuntistabbli Mackay solva b’suċċess bosta każijiet.
Il-Ħadd filgħodu, iltqajna miegħu f’Ta’ Kandja, fejn innota kif premju u titlu prestiġjuż bħal dan, jimmotivah biex ikompli jaħdem aktar.
“Il-Police of the Year ħadtha għax kien hemm xi każijiet li jien inzertajthom waqt li jien ma kontx xogħol. Xi illegalitajiet, u ovvjament jien intervjenejt. Bħala unur huwa unur kbir, li tieħu l-Police of the Year, hija xi ħaġa kbira u kuntent ħafna, jagħtik ħafna motivazzjoni biex tibqa’ taħdem iktar minn qabel.”
Mackay tkellem magħna dwar żewġ każijiet li solva s-sena l-oħra, li għalihom rebaħ dan it-titlu – wieħed kien jinvolvi hit and run, u l-ieħor serq ta’ muturi.
Fl-ewwel każ, il-portals kollha tal-aħbarijiet kienu rrapportaw bi prominenza kif il-Pulizija li ma kienx xogħol, segwa u rnexxielu jaqbad sewwieq ta’ mutur li ħarab minn fuq il-post ta’ hit and run.
Fiż-żewġ każi, saru arresti bis-saħħa tal-azzjonijiet u l-attenzjoni tal-Kuntistabbli.
“Kien hemm każ minnhom dwar hit and run – ittajret mara u min tajjarha baqa’ sejjer, u jiena nzertajt għaddejt minn hemm u mort niġri wara dil-persuna li tajret lil din il-mara u rnexxieli naqbadha ftit iktar ’il quddiem mill-post tal-aċċident. Kien hemm każ ieħor fuq serq ta’ vetturi. L-istess, inzertajt ma kontx xogħol u nzertajt vettura quddiemi b’xi persuni ġo fiha li kienet misruqa, u jien kont naf biha, u l-istess, intervjenejt u rnexxielna naqbdu kemm il-persuni, u kemm il-vettura wkoll.”
Huwa spjega kif ix-xogħol tat-Taqsima li jinsab fiha hu, idur mal-prevenzjoni tal-kriminalità, filwaqt li l-uffiċjali tal-RIU jirrispondu wkoll fuq talbiet għall-ewwel għajnuna u każijiet li jinvolvu ċertu riskju.
Għaldaqstant appella għall-kooperazzjoni tal-pubbliku, speċjalment meta n-nies jaraw xi vettura tal-RIU fit-triq bis-sirena, għaliex jista’ jkun li tkun sejra fuq vjaġġ li jista’ jfisser ħajja jew mewt.
“Ix-xogħol tagħna tal-RIU huwa patroling officers – ix-xogħol tagħna primarjament huwa prevention of crime – biex il-crime ma jsirx. Meta jsir immorru, imma aħna l-għan tagħna huwa li ma jsirx. Ngħaddu minn ċertu toroq biex in-nies jarawna, min forsi għandu xi ħaġa ħażina f’moħħu u jarana għaddejjin ma jagħmilhiex, dak l-għan tagħna. Imbagħad aħna nassistu d-distretti u l-branki l-oħra meta jinqala’ xi xogħol li jkun hemm bżonn li nidħlu aħna fih ukoll.”