Uffiċjal tal-Pulizija Brażiljan qed jinżamm arrestat b’ rabta mal-qtil tal-Ambaxxatur Grieg fil-Brażil Kyriakos Amiridis, huwa mifhum li dan il-qtil huwa wieħed ta’ passjoni hekk kif dan l-uffiċjal kien f’ relazzjoni mal-mara tal-ambaxxatur – Francoise Amiridis.
L-Ambaxxatur kien ilhu rrapurtat nieqes sa min-nhar it-Tnejn u l-ġisem tiegħu nstab f’ kaorzza maħruqa fl-inħawi ta’ Rio de Janeiro il-Ħamis, fejn s’ issa jidher li kienet martu li pjannat dan id-delitt flimkien mal-maħbub tagħha u konsegwenza ta’ hekk it-tnejn qed jinżammu arrestati.
Kien il-kuġin tal-Pulizija li kiexef il-komplot tal-qtil, hekk kif ammeta li kien hu li ċaqlaq il-ġisem mejjet tal-ambaxxatur, li kien qed jivjaġġa sabiex iqatta’ iż-żminijiet ta’ festi ma’ martu u bintu t’ għaxar snin.
Ir-raġel ġie rrapurtat nieqes nhar l-Erbgħa minn martu stess u minn investigazzjonijiet li saru, nstabu traċċi ta’ demm fid-dar tagħhom fejn probabilment inqatel l-ambaxxatur.
Bejn l-2012 u l-2016 Amiridis serva t’ ambaxxatur fil-Libja, fejn kien ħalla dan il-pajjiż fl-2014 meta diversi diplomatiċi ħarġu mill-Libja minħabba l-kunflitti. Huwa kien appuntat ambaxxatur fil-Brażil iktar kmieni din is-sena.