L-Unjoni Ewropea għandha tissospendi l-kummerċ u anke l-kollaborazzjoni mill-qrib li għandha ma’ Iżrael minħabba l-ġenoċidju f’Gaza. Dan intqal f’kumment li għaddiet Francesca Albanese, rappreżentanta tal-Ġnus Magħquda għall-Palestina, lis-sit internazzjonali Euronews.
Dwar dan, Iżrael, li baqa’ ma implimentax riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda għall-waqfien immedjat mill-ġlied, ukoll qed jiffaċċja proċeduri fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja f’The Hague, li tniedew mill-Afrika t’Isfel.
Francesca Albanese spjegat kif Iżrael għandu relazzjoni mill-qrib mal-Unjoni Ewropea, kemm politikament u anke finanzjarjament, b’dan qed iwassal biex Iżrael għadu għaddej b’mod normali.
Intqal kif l-Ewropa hi s-sieħeb prinċipali għall-kummerċ ma’ dan il-pajjiż, b’madwar 30% tal-kummerċ lejn Iżrael ġej mill-Ewropa.
Hi sostniet li din mhux xi għażla, iżda hu dak li jgħid l-Artiklu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Iżrael. Dan l-artiklu partikolari jgħid li għandu jkun hemm sospensjoni ta’ kollaborazzjoni f’każ li jkun hemm ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.
Din ir-relazzjoni mill-qrib ma’ Iżrael dehret biċ-ċar f’Ottubru li għadda, ftit jiem wara li bdiet l-aħħar mewġa u l-akbar waħda fil-konflitt antik fil-Lvant Nofsani.
Dan meta anke l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, minn jeddhom u bla approvazzjoni tal-istess istituzzjonijiet li jmexxu, iddeċidew li jmorru f’Iżrael u jagħtu l-barka lill-militar Iżraeljan wara l-attakk tal-Hamas.
Dan il-ġest ġie kkritikat bl-aħrax mill-komunità internazzjonali bħala l-approvazzjoni għal ġenoċidju li beda jseħħ ftit wara f’Gaza. Dan wassal biex s’issa nqatlu aktar minn 30,000 persuna, bil-maġġoranza tagħhom huma tfal u nisa innoċenti.
L-assalt massiċċ minn Iżrael fil-Medda ta’ Gaza wassal ukoll għall-protesti madwar id-dinja, inkluż f’Malta, fejn Metsola wkoll kellha tiffaċċja protesti minn studenti li akkużawha li għandha d-demm fuq idejha, kif seħħ ukoll fl-Università ta’ Vjenna x-xahar li għadda.