Il-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, iffirmaw ftehim li se jwitti t-triq biex l-MFSA ikollha uffiċċju f’Għawdex.
Ftehim xhieda tal-ħidma tal-Gvern biex l-Għawdxin jaħdmu fi gżirthom stess, u ma jkollhomx għalfejn jaqsmu l-fliegu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-Gvern huwa konxju mill-isfidi u l-inkonvenjenti li għandhom il-ħaddiema Għawdxin, u nnutat kif il-Ministeru għal Għawdex minbarra li joffri assistenza finanzjarja biex itaffi l-piż lil dawk li jaqsmu l-fliegu, qed jaħdem ukoll biex jintlaħqu ftehimiet ma’ diversi entitajiet biex jinfetħu iktar uffiċini f’Għawdex, kemm dawk fis-settur pubbliku u wkoll privat.
“F’Għawdex ħa jkollna l-prezenza tar-regolatur, li qed tgvħin fil-promozzjoni tagħna ta’ Għawdex bħala destinazzjoni għall-investiment. Allura permezz ta’ din l-inizjattiva qegħdin nippermettu lil ħaddiema tagħna jaħdmu f’Għawdex stess. Pero wkoll ikun qed jippermetti lilna bħala ministeru biex ikomplu nsaħħu l-pjattaforma tagħna stess ta’ promozzjoni għal Għawdex fuq livelli u binarji differenti biex inkattru l-investiment biex ikabbru l-ekonomija u biex noħolqu xogħol għal Għawdxin f’Għawdex stess.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, l-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni Silvio Schembri qal li ftehim bħal dan se jsalva l-ħin prezzjuż ta’ diversi Għawdxin.
Innota wkoll li n-nuqqas fin-numru ta’ regolaturi li huma Għawdxin jista’ jiżdied bil-ftuħ ta’ dawn l-uffiċini l-ġodda.
“Il-fatt li r-regolatur hemm madwar 300 u seba’ minnhom biss huma Għawdxin, jista’ jkun li dawk ir-raġunijiet għaliex m’hemmx daqshekk Għawdxin li jkunu kkoragguti jaħdmu fl-awtorita minħabba l-fatt li l-awtorita tinsab Malta.”
Iċ-Ċermen tal-MFSA l-Professur John Mamo qal li d-deċiżjoni tal-MFSA li jkollha uffiċċju f’Għawdex tirrifletti l-impenn tal-awtorità li ssir l-għażla ta’ impjieg ideali.