Ġew inawgurati uffiċini ġodda ta’ AgriConnect f’Ħaż-Żabbar, li minnhom se jkunu qed jingħataw pariri b’xejn, minn esperti kwalifikati fil-qasam agrikolu lir-raħħala u l-bdiewa. Dan sabiex jinżammu aġġornati dwar żviluppi relatati max-xogħol tagħhom.
Minn ġewwa dan l-uffiċju se tkun qed tingħata l-informazzjoni dwar regoli tal-Unjoni Ewropea biex il-bdiewa u r-raħħala jkunu jistgħu jikkompetu aħjar bil-prodotti tagħhom.
Fl-inawgurazzjoni ta’ dawn l-uffiċini, il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo sostna li l-politika agrikola komuni tippremja bdiewa u raħħala għall-kontribut tagħhom lejn is-sigurtà tal-ikel b’liġijiet li iżda huma kumplessi biex jiġu implimentati.
Huwa qal li għalhekk il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea huma mitluba jipprovdu sistema ta’ assistenza teknika relatata ma’ dawn il-liġijiet biex jiġi assigurat li l-bdiewa jkunu konformi ma’ dawn ir-regolamenti u jkollhom aċċess għall-fondi Ewropej.
Il-Ministru Refalo qal, ‘Dan l-uffiċċju ta’ AgriConnect huwa importanti għax filwaqt li nagħtu pariri lir-raħħala u lill-bdiewa tagħna, qed ninfurmawhom ukoll dwar ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea. Xi jfisser il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima? B’hekk il-bdiewa Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jikkompetu aħjar fl-isfera Ewropea.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dawn l-uffiċini, il-Ministru Refalo ħabbar li fiż-żmien li ġej se jkun qed jinfetaħ uffiċċju ieħor tal-istess xorta fil-Pitkalija f’Ta’ Qali biex jilħaq lill-bdiewa u r-raħħala fiċ-ċentru ta’ Malta.