Fid-daħla taż-Żejtun, ġew inawgurati uffiċini ġodda għal Gaming Malta, biex issa l-ħaddiema għandhom spazju modern minn fejn jaħdmu fis-setturi tal-igaming, l-esports u l-iżvilupp tal-video games.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Operat ta’ Gaming Malta, Ivan Filletti spjega li mhux soltu jkollok kumpanija tat-teknoloġija f’postijiet bħaż-Żejtun iżda jinsab fiduċjuż li post bħal dan joffri ċ-ċans li minnu jinħoloq ċentru tal-ekosistema tal-gaming ġewwa Malta.
Gaming Malta qed taħdem b’sinerġija sħiħa mal-Università ta’ Malta u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, hekk kif kulma jmur qed tiżdied id-domanda għal talent frisk.
Filletti spjega, “Hawn ħafna kumpaniji jistaqsu għal iżjed talent. Din hija challenge li rridu nieħdu fuqna wkoll fejn nattiraw iżjed talent kemm minn barra minn Malta biex jaħdmu fl-industrija u kemm minn Malta stess biex jidħlu u jiġu mgħallma fl-industrija wkoll.”
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri qal li dan l-investiment juri l-impenn għal aktar sforzi biex is-settur tal-gaming ikun fiċ-ċentru tal-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda, biex ikompli jassigura tkabbir fl-ekonomija.
Huwa ħabbar li fil-futur qrib se jitwaqqaf il-Kunsill tal-igaming, li se jservi ta’ pont bejn il-Gvern u dawk kollha involuti fis-settur.
Il-Ministru Schembri sostna, “Dan il-Kunsill se jiġbor fih l-ikbar operaturi tal-igaming f’pajjiżna sabiex ikollhom kuntatt dirett anki mal-Gvern u mal-awtoritajiet biex inkomplu naraw li nkunu ta’ sapport u kif ħa nagħmlu fil-jiem li ġejjin, ħa nkunu qed inħabbru wkoll investimenti ġodda f’dan is-settur.”
Il-Ministru fakkar kif pajjiżna se jilqa’ żewġ avvenimenti internazzjonali f’Ottubru u Novembru li ġej, li se jwittu t-triq biex dan is-settur f’pajjiżna jkompli jikber u jattira niċeċ ġodda.