Id-Diviżjoni tad-Tindif u l-Manutenzjoni qed tgawdi minn uffiċini amministrattivi ġodda f’Ħal Luqa hekk kif qed tkompli tkabbar il-ħidma tagħha madwar il-pajjiż.
F’konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat kif dan l-investiment qiegħed ikompli jikkumplimenta investiment ieħor f’makkinarju u teknoloġiji ġodda li ser ikunu mmexxija mill-ħaddiema li jaħdmu f’din id-diviżjoni.
Dan qiegħed isir fi żmien fejn il-ħaddiema tad-Diviżjoni qegħdin jagħmlu parti mill-kampanja nazzjonali ‘Insebbħu Pajjiżna’ barra mill-ħidma li huma jwettqu fuq bażi ta’ kuljum. F’din il-kampanja issemma kif fost l-oħrajn ġew miġbura mas-sitt mija u tletin tunnellata ta’ skart mit-toroq f’temp ta’ xahar. Dan apparti skart goff ieħor li kien mormi illegalment.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni, Ramon Deguara qal kif permezz ta’ dan is-sit ser ikomplu bil-ħidma tagħhom f’kordinament ma’ entitajiet governattivi oħra kif ukoll mal-Kunsilli Lokali bil-għan li tinżamm l-indafa pubblika.
Huwa spjega ukoll kif id-Diviżjoni dejjem qed tinkludi aktar mezzi teknoloġiċi fosthom il-proġett pilota ta’ kontenituri tal-iskart li jinnotifikaw lid-diviżjoni meta jkunu mimlija u li ser jkunu ikkontrollati minn dan is-sit.
Qal, “Qegħdin naraw kif ninvestu u nagħmlu l-aħjar użu mit-teknoloġija. Proġett pilota li għaddej bħalissa huwa li għandna għoxrin kontenitur tal-iskart fejn il-kontenitur stess jgħidilna meta aħna nmorru nbattlu l-iskart li jkun hemm ġo fih. Din is-sistema teknoloġika ser nużawha fuq skips ħafna akbar illi għandna madwar il-pajjiż u li ser inkomplu ninvestu fihom sabiex noffru faċilità oħra lil pubbliku fejn jiddisponi l-iskart tiegħu.”
Fi żjara fl-uffiċini, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-indafa pubblika Deo Debattista saħaq dwar l-importanza tal-ħidma li d-diviżjoni twettaq, speċjalment fil-pandemija fejn infetħet sezzjoni tal-iffumigar.
Filwaqt li appella biex il-pubbliku ikun aktar responsabbli u jagħmel użu minn faċilitajiet apposta biex jarmi l-iskart, Dr Debattista nnota kif issa b’dan l-investiment f’uffiċini ġodda ser ikun qiegħed jiċċentralizza l-ħidma.
Spjega, “Ħa nkomplu nżidu n-networking li diġà qed nagħmlu imma b’mod aktar b’saħħtu, ħalli kemm jista’ jkun nnaqqsu l-fragmentazzjoni u dawk il-grey areas li ħadd ma jkun jaf ta’ min huma. L-iskop huwa li jkollna pajjiż aktar nadif, u miżmum.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq kif huwa l-impenn tal-Gvern li joffri dejjem aktar ambjent nadif anki bl-għajununa tal-pubbliku filwaqt li jitjieb il-prodott turistiku li joffri pajjiżna.
Qal, “Din id-diviżjoni xogħolha huwa importanti ħafna għaliex l-ewwel ma tolqot hija l-għajn u għalhekk l-indafa pubblika qegħdin inkomplu ntuha prijorità. Sabiex b’hekk mhux f’żoni turistiċi biss iżda madwar Malta u Għawdex kollha, ikollna pajjiż nadif, pajjiż isbaħ, pajjiż li huwa denju li jkompli jgħolli ukoll il-kwalità t’għajxien tan-nies u fl-istess waqt ngħollu l-livell tal-prodott turisitku tagħna għat-turisti li jiġu jżuruna.”