Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fetaħ uffiċċju ġdid tal-Pharmacy of Your Choice (POYC) f’Għawdex li se jkompli jsaħħaħ is-servizz lil madwar 12,000 pazjent li jagħmlu użu mill-POYC fil-gżira Għawdxija.
Id-Deputat Prim Ministru qal li b’kollox hemm 19-il spiżerija f’Għawdex li huma msieħba f’din l-iskema. Semma kif il-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju jsegwi l-ftuħ ta’ berġa ġdida tas-saħħa xahar ilu fir-raħal tax-Xewkija, li juri l-impenn tal-gvern li jkompli jinvesti fil-qasam tas-saħħa kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. “Dan l-investiment ikompli jorbot mal-bini mill-ġdid tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-bini tal-iskola medika ta’ BARTS, u huwa parti minn pjan dettaljat tal-gvern li jinvoli proġetti oħra li se jitħabbru fil-futur qarib, sabiex il-pazjenti Għawdxin ikollhom servizz tas-saħħa li jixirqilhom”, temm jghid id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Il-ftuħ tal-uffiċċju ġdid tal-POYC sar fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana li min-naħa tagħħa faħħret din l-inizjattiva sabiex il-pazjenti Għawdxin ikomplu jinqdew aħjar f’Għawdex stess u mingħajr skariġġ li jaqsmu lejn Malta. Il-Ministru Caruana tennet l-impenn tal-gvern biex f’Għawdex, is-settur tas-saħħa jingħata l-prijorità li jixraqlu, u għal dan il-għan il-Minsiteru għal Għawdex qed jagħti l-appoġġ sħiħ. Fil-fatt, kien għalhekk li proprju l-ġimgħa l-oħra tħabbar investiment ta’ €1.5 miljun f’Ċentru tas-Saħħa fil-qalba tar-Rabat, Għawdex, li se jsir f’binja allokata għal dan il-għan mill-istess Ministeru. Justyne Caruana qalet li dawn il-proġetti fil-qasam tas-saħħa huma parti mill-pjan tal-gvern biex l-Għawdxin, jingħataw l-aħjar servizz possibli f’Għawdex stess u b’hekk ikun hemm titjib sostanzjali fil-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin.