Fil-Marsa ġew inawgurati l-uffiċċji l-ġodda tar-Registru Pubbliku u l-Passaporti.
Dan ifisser li dawn l-uffiċini l-ġodda se jintużaw minflok dak ta’ Evans Building fil-Belt, li ma kienx qed ilaħħaq maż-żieda fid-domanda għas-servizzi offruti minn dawn id-dipartimenti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta, Anton Sevasta qal li l-pubbliku jixraqlu li jkun moqdi kif xieraq, filwaqt li l-ħaddiema jaħdmu f’post attrezzat u adegwat.
Qal kif ħafna mis-servizzi qed jingħataw online, iżda mhux se jintesew dawk li jmorru fil-binja għas-servizzi.
Is-Sur Sevasta qal, “Ma rridux ninsew dawk is-servizzi illi l-klijenti tagħna jkunu jridu jiġu għalihom b’mod personali u għalhekk qed iniedu dawn l-uffiċini l-ġodda ġol-Marsa sabiex il-klijenti tagħna, tar-Reġistru Pubbliku u tal-Passaporti jkunu jistgħu jinqdew minn binja iktar moderna u attrezzata ġewwa l-Marsa.”
Dawn l-uffiċċji ġew inawgurati mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat.
Il-Ministru Byron Camilleri qal kif pajjiżna ma jistax ikollu qasam tal-intern b’saħħtu jekk ma jkomplix itejjeb, isaħħaħ u jimmodernizza s-servizz mogħti minn aġenzija bħal Identity Malta.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal kif il-ftuħ ta’ dawn l-uffiċini l-ġodda tkompli turi l-viżjoni tal-Aġenzija li tibqa’ tkabbar l-operat tagħha.