Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kunsill Lokali tal-Għarb, Għawdex, tħabbar li l-uffiċjali tal-komunità li joperaw f’Għawdex issa għandhom għall-ewwel darba uffiċċju biex ikunu jistgħu jaħdmu f’aktar kumdità u jmexxu l-operat b’mod iżjed professjonali. Barra minn hekk ġie inawgurat ukoll tribunal ġdid fil-Kunsill Lokali tal-Għarb għar-reġjun ta’ Għawdex. It-tribunal li kien hemm qabel fix-Xewkija kien meqjus li m’għadux wieħed ta’ livell u kien għalhekk li nħass li għandu jkun hemm wieħed ġdid.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li permezz ta’ dawn il-faċilitajiet moderni u adattati, il-funzjoni tat-Tribunal għal Għawdex se tiġi eżerċitata aħjar u b’aktar effiċjenza. Żiedet li din il-binja hi ħolqa oħra fil-viżjoni tal-Ministeru għal Għawdex; dik li nkomplu nippromwovu l-eċċellenza f’kull settur tal-gżira Għawdxija. Fakkret fir-responsabbiltajiet u fid-dmirijiet li l-uffiċjali tal-komunità għandhom ladarba ħadu l-ġurament tal-ħatra, liema responsabbiltajiet issa se jiġu moqdija aħjar peress li l-gvern investa bis-sħiħ fl-għodod neċessarji li jassistu lill-uffiċjali tal-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li dawn il-bidliet ikomplu juru l-impenn ta’ dan il-gvern biex itejjeb l-aġenzija LESA kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-uffiċjali tal-komunità fuq il-post tax-xogħol. Is-Segretarju Parlamentari fakkar li din il-ġimgħa stess ħabbar li l-uffiċjali tal-komunità ngħataw ukoll 20 mutur u 6 vetturi ġodda kif ukoll ilbies protettiv ġdid għal dawk li jsuqu l-muturi. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis semma li l-għan aħħari ta’ dawn il-bidliet hu li jwassal għal aktar ordni, dixxiplina u serjetà fl-infurzar.