Infetah l-Extension Services għall-bdiewa u r-raħħala. Uffiċċju bl-iskop li jagħmel żjarat, u jilqa’ lill-bdiewa u raħħala, biex dawn jingħataw pariri f’ħidmiethom, partikolarment dwar tekniċi u realtajiet ġodda.
Dan is-servizz, li diġà daħal fis-seħħ, mistenni jopera bis-sħiħ mill-bidu ta’ Settembru. Uffiċċju li se jkun imħaddem minn numru ta’ gradwati u esperti, li ġa mill-ġimgħat li ġejjin se jibdew iżuru lill-bdiewa fl-irziezet tagħhom, biex ikunu jistgħu jgħinu lill-istess bdiewa fl-isfidi li jaffaċċjaw.
Fost l-għajnuniet mogħtija se jkun hemm pariri fuq l-aqwa użu tal-fertilizzant u tal-pestiċidi, u s-servizz se jinkludi fost l-oħrajn l-għoti ta’ pariri tekniċi fil-qasam tal-ortikultura, il-kultivazzjoni ta’ siġar tal-frott, it-trobbija tal-annimali, l-apikultura u l-vitikultura sabiex il-bdiewa u r-raħħala jegħlbu d-diffikultajiet tekniċi li jiltaqgħu magħhom, u jsiru aktar kompetittivi.