Fis-sit tal-eks skola sekondarja ta’ Marija Assunta fil-Ħamrun il-Ġimgħa filgħodu ġew inawgurati uffiċini ġodda għall-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla.
Dan ifisser li l-Kummissjoni li tirregola l-qasam terzjarju u ogħla f’pajjiżna għandu spazju permanenti minfejn jikkordina l-ħidma tiegħu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kummissjoni Dr Rose Anne Cuschieri spjegat kif din l-entità regolatorja tieħu ħsieb dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ istituzzjoni li toffri korsijiet fuq livell ogħla, bħal Universitajiet. Hija stqarret: “Kwanlunkwe ħaġa li għandu x’jaqsam f’dal-livell aħna naħdmu ħsieba, kemm akkredità, kemm kwalità, naraw li l-kwalità tinżamm, kemm liċenzjar, dak kollu jaqa’ taħtna.”
Fl-inawgurazzjoni l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo fisser kif wara diversi snin il-Kummissjoni għandha post permanenti fejn topera.
Saħaq li l-irwol tal-Kummissjoni se jkun kruċjali fiż-żmien li ġej, hekk kif il-mira ta’ pajjiżna hija li jkun innovattiv f’kull livell. Madanakollu spjega li dan m’għandux ikun għas-skapitu tal-kwalità tal-edukazzjoni offruta. Il-Ministru Bartolo qal: “Lesti naċċettaw modi ġodda kif twassal l-edukazzjoni, programmi ġodda, pedagoġija u teknoloġija ġdida imma dejjem irridu niżguraw li l-affarijiet isiru serji”.
Għalhekk, dan ipoġġi iżjed responsabilità fuq il-Kummissjoni biex tiżgura li dak li hu innovattiv jrnexxi u jirrifletti r-realtajiet madwarna li qed jinbidlu, u mhux toħroġ il-liċenzji bl-addoċċ. Bartolo tenna: “L-ebda liċenzja biex topera l-edukazzjoni f’Malta hija għall-bejgħ. Jiġifieri li toqgħod tgħid isma’ jiena ħa ninvesti ħafna u għandi ħafna flus u allura noħorġu l-liċenzja. Le l-liċenzja ma toħroġx fuq il-bażi t’hekk”.