Fl-partita mill-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Europa Conference League, wirja qalbiena ma kinitx biżżejjed għal Floriana li sfaw megħluba bl-iskor minimu ta’ 1-0 minn Vitoria SC tal-Portugall, bil-goal uniku għal dawn tal-aħħar jasal tard fil-partita.
Madankollu, kienet wirja kollox ma’ kollox pożittiva għall-Greens, speċjalment fl-ewwel taqsima, li kienu ferm organizzati minn kull lat f’kull dipartiment tal-ground li tawgura tajjeb għat-tieni leg nhar il-Ħamis li ġej fil-Portugall.
Kienu Floriana li ħolqu l-ewwel periklu wara biss tliet minuti, meta f’azzjoni ta’ kontrattakk veloċi, Thiaginho, qabad lid-difiża ta’ Vitoria żbilanċjata, avvanza tajjeb u kellu x-xutt tiegħu minn ġol-kaxxa jaħbat max-xibka minn barra.
Il-Greens komplew fuq l-offensiva u 10 minuti wara, Kemar Reid seraq ballun wara pressjoni li għamel fuq Alberto Baio, għadda tajjeb lejn Jake Grech li kellu t-tentattiv tiegħu minn tarf il-kaxxa jintemm ftit għoli.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground. Dan sal-41 minuta meta Thiaguinho kellu xutt mill-ewwel tiegħu minn pożizzjoni ideali jintemm f’idejn il-goalkeeper ta’ Vitoria, Bruno Varela.
Il-Portugiżi wieġbu għall-ewwel darba minuta biss wara, meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Jorge Fernandes, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Vitoria ħarġu ferm aggressivi u fid-49 minuta, daqqa ta’ ras ta’ ta’ Jota Silva ħarġet l-aħjar tal-goalkeeper tal-Greens, Christoffer Mafoumbi, li dawwar f’corner b’mod stupend.
Floriana wieġbu fid-59 minuta meta Thiaguino għadda pass fil-baxx fid-direzzjoni ta’ Kemar Reid li kien interċettatt fl-aħħar mument minn Alberto Baio, biex salva goal cert.
Huma komplew ikunu perikolużi fl-attakk u minuta biss wara, xutt mill-ewwel taż-żagħżugħ Owen Spiteri minn qagħda ideali intemm għoli.
Vitoria rrispondew fil-75 minuta permezz ta xutt insidjuż tas-sostitut Kaio Cesar li sab lil Mafoumbi attent hekk kif salva b’diffikultá.
Huma komplew jippressaw u tliet minuti wara fetħu l-iskor, liema goal kellu jkun dak tar-rebħa, meta s-sostitut Jesus Ramirez għadda tajjeb lejn Jota Silva li approfitta minn nuqqas ta’ ftehim bejn Mafoumbi u Alejandro Garzia u b’eleganza antiċipa lill-istess Mafoumbi u tefa’ l-ballun fix-xibka, b’dan il-goal żgur li seta’ jkun evitat mit-tim furjaniż.
Dan il-goal kiesaħ u biered qata’ għal kollox il-moral tal-Furjaniżi u fil-85 minuta Kaio Cesar dejjem għall-Portugiżi reġa’ sab lil Mafoumbi attent hekk kif dawwar tajjeb f’cormer xutt insidjuż mid-distanza tal-player ta’ Vitoria.
Fil-ħin mizjud, cross-shot ta’ Joao Mendes qarraq b’Mafoumbi u ħabat mal-mimduda, bil-Greens jeħilsuha ħafif.
Vitoria SC komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.