Iċ-ċampjins tal-Kampjonat Premier Malti Hamrun Spartans avvanzaw għat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Ewropa Conference League meta l-Ħamis filgħaxija huma għelbu 1 – 0 lill-FC Dinamo Tbilisi biex b’aggregate ta’ 3 – 1 kwalifikaw għar-rawnd li jmiss.
Hamrun Spartans rebħu l-ewwel leg 2 – 1 grazzi għal żewġ gowls skorjati minn Joseph Mbong wara li kienu qedin jitilfu bl-skor ta’ 1 – 0.
L-Spartans, konxji mill-qawwa u mir-reazzjoni tal-avversarji, kienu kompatti mill-bidu sal-aħħar b’ftit li xejn jagħtu spazzju lill-plejers ta’ FC Dinamo Tbilisi jimmanuvraw u saħansitra jsibu l-spazzji neċessarji minkejja li fl-ewwel taqsima kellhom iżjed minn dak li hu pussess u kontroll.
Madanakollu, Hamrun marru fil-vantaġġ eżatt qabel il-mistrieħ meta minn kross ta’ Paintsil, Uros Djuranovic poġġa lill-Spartans fil-vantaġġ b’konklużjoni sabiħa.
Fl-intervall, preċiżament waqt li l-plejers u t-tmexxija tat-timijiet kienu deħlin fid-dressing rooms, inqala diżgwit bejn il-plejers bl-awtur tal-gowl ta’ Hamrun Djuranovic u l-kowċ ta’ FC Dinamo Tbilisi Giorgi Chiabrishvili jitkeċċew mir-referee Viktor Shimusik mill-federazzjoni tal-Belarus.
FC Dinamo Tbilisi komplew iżidu fil-logħob tagħhom tant li fl-aħħar għaxar minuti tal-partita huma laqtu l-lasti f’żewġ okkażjonijiet.
Mat-tisfira finali, t-tmexxija ta’ Hamrun Spartans flimkien mal-plejers, kowċis kif ukoll partitarji preżenti ċ-ċelebraw din il-kwalifikazzjoni.
Ritratt: Hamrun Spartans Media