Gżira United ġew megħluba 4 – 0 fl-ewwel leg tat-tielet rawnd tal-UEFA Ewropa Conference League meta l-Ħamis filgħaxija lagħbu kontra Viktoria Plzen.
L-avversarji tal-Maltin mill-ewwel kienu dominanti tant li fl-ewwel 25 minuta tal-partita skorjaw darbtejn biex kienu fil-kontroll tal-konfront.
Viktoria Plzen ħadu biss għaxar minuti biex sabu x-xibka permezz ta’ Pavel Bucha.
Maħsuda minn dan il-gowl, il-maroons sofrew ieħor fil-23 minuta, liema gowl kien skorjat minn Rafiu Adekunle Durosinmi biex l-ewwel taqsima spiċċat 2 – 0.
Gżira dehru iżjed kompatti fit-tieni 45 minuta u irnexxilhom jikkontrollaw lill-avversarji sal-73 minuta għaliex propju f’dan il-ħin wasal it-tielet gowl ta’ Viktoria Plzen skorjat minn Sulc.
Bil-partita mirbuħa u mitlufa, Gżira dehru rassenjati li mill-konfront jieħdu tant li fil-ħin miżjud sofrew gowl ieħor grazzi għal Jan Kopic biex bir-riżultat ta’ 4 – 0 intemmet il-partita.
It-tieni leg tintlagħab f’Ta’ Qali l-Ħamis 17 t’Awwissu.