Kien meħtieġ miraklu sportiv biex Sliema Wanderers jiksbu l-kwalifikazzjoni għat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League. Dan wara li fl-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-istess kompetizzjoni fl-Armenja, Sliema kienu sfaw megħluba minn FC Noah bl-iskor kbir ta’ 7-0, biex prattikament tilfu kull tama li jiksbu l-kwalifikazzjoni għar-round sussegwenti.
Madankollu, għalkemm il-kwalifikazzjoni ma waslitx, fit-tieni leg, Sliema kellhom wirja ferm aħjar minn dik tal-ewwel leg fejn ikkontrollaw lill-avvesarji tul id-90 minuta u żammew lil FC Noah fi draw pożittiv ta’ mingħajr goals, fejn saħansitra li kieku kienu iktar preċiżi fl-attakk bl-azzjonijiet li ħolqu, setgħu faċilment ħarġu rebbieħa. B’hekk FC Noah kisbu l-passagg għat-tielet round bi skor aggregate ta’ 7-0, fejn se jkunu qed jaffrontaw lill-Griegi ta’ AEK Athens.
Kien fit-13-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita, bil-Wanderers ikunu huma li joħolqu l-periklu meta Simon Zibo permezz ta’ xutt mid-distanza ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper ta’ FC Noah, Aleksei Ploshchednyi, li dawwar f’corner bi bravura.
Minuta biss wara daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Gustavo Alcino dejjem għall-Blues intemmet ftit barra.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-17-il minuta xutt kważi minn tarf il-kaxxa ta’ Adam Magri Overend ġie devjat qabel spiċċa f’idejn Ploshchednyi.
Noah wieġbu għall-ewwel darba fil-31 minuta u resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta freekick insidjuż ta’ Gustavo Sangare ġie salvat parzjalment mill-goalkeeper ta’ Sliema,
Emeka Kelvin Agu, biex mir-rebound Sergey Muradayn kellu x-xutt tiegħu minn taħt il-lasta devjat f’corner kważi minn fuq il-linja fatali minn Adam Magri Overend, biex salva goal ċert.
Sliema tilfu ċans tad-deheb li jmorru fil-vantaġġ fit-58 minuta meta Adam Magri Overend għadda tajjeb lejn Steve Pisani li indirizza cross għan-nofs, fejn iżda kemm Vito Plut kif ukoll Samuel Gomes Da Mata ma rnexxielhomx jagħmlu kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
FC Noah irrispondew fl-64 minuta meta Goncalo Gregorio għadda tajjeb lejn is-sostitut Imran Oulad Omar li kellu x-xutt tiegħu minn tarf il-kaxxa jintemm ferm għoli.
L-istess Omar kellu xutt insidjuż mid-distanza devjat f’corner minn difensur tal-Wanderers proprju fid-90 minuta, bl-iskor jibqa’ ma jinbidilx sa tmiem il-partita.
Referee: Robert Ian Jenkins (Wales)