Il-Futsal Malta Association organizzat il-laqgħa ġenerali annwali fis-sala tal-Istadium Ċentinarju f’Ta’ Qali li biha wkoll ingħalaq is-siparju tal-istaġun 2022/23.
Kienet laqgħa importanti fejn il-membri kollha qablu unanimament li l-president attwali l-Perit Mark Borg iżomm din il-kariga sabiex se jibda r-raba’ terminu tiegħu b’Dr Stefan Cutajar u Matthew Borg li wkoll ġew ikkonfermati bħala s-segretarju ġenerali u t-teżorier rispettivament.
Minkejja kollox, kien hemm ukoll xi uċuh ġodda hekk kif Kurt Rizzo u Nathaniel Jones ġew eletti bħala viċi-presidenti hekk kif ġiet imressqa emenda li biha jkun hemm żieda f’dan ir-rwol. Min-naħa tiegħu, il-viċi-president uxxenti Claudio Azzopardi issa ġie membru onorarju filwaqt li membri oħra ġodda jinkludu wkoll lil David Spiteri, Joe Meilak u Lorraine Zammit li min-naħa tagħha se tkun responsabbli mid-dipartiment tal-futsal femminili.
Is-Segretarju Ġenerali Dr Stefan Cutajar tkellem dwar id-diversi objettivi li din l-assoċjazzjoni poġġiet fil-bidu tal-istaġun u li mhux talli ntlaħqu, iżda qabżu kull stennija possibbli. Semma’ l-kollaborazzjoni mal-Kumitat Paralimpiku Malti sabiex beda l-proġett dwar il-blind futsal, it-tnedija tal-futsal għan-nisa, l-inklużjoni tat-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena, ir-riżultati eċċezzjonali li kisbu Luxol fil-UEFA Futsal Champions League li saħansitra waslu fl-istadju tal-aħjar 16-il tim tal-Ewropa u l-organizzazzjoni tal-Enemed Futsal Awards.
Fid-diskors tiegħu, il-president tal-FMA Mark Borg sostna li dan se jkun l-aħħar terminu tiegħu bħala president u esprima x-xewqa li meta jispiċċa minn din il-kariga, iħalli l-legat tiegħu sabiex is-suċċessur tiegħu jsib assoċjazzjoni soda u lesta biex tkompli timxi ‘l quddiem.
Borg tenna li hu determinat li jkompli jaħdem sabiex dan l-isport ikollu d-dar tiegħu iġifieri futsal arena dejjem b’kollaborazzjoni mal-MFA. L-għan hu dejjem li l-futsal ikompli jkollu l-vuċi tiegħu u jiżviluppa dejjem aktar.
Sadanittant l-FMA se tkun qed tiftaħ l-applikazzjoni sabiex timijiet tal-futsal jirreġistraw u eventwalment jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet li torganizza din l-assoċjazzjoni.