Xi kultant nemminha. Għax lanqas tista’ ma tagħmilx hekk. Lil Simon ma tistax tiġih waħda tajba! Jagħmel x’jagħmel qisu bilfors b’xi mod jew ieħor irid jagħmel xi froġa.
Mela din il-ġimgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu intervista f’karozza li saq hu, (ma setax irikeb lill-ġurnalist fuq ir-rota, l-ewwel għax ma joqgħodux, u t-tieni għax il-gimmick darba saret, kumbinazzjoni anke dik ġab ħazin!) u matulha kellu bosta mistoqsijiet. Ma nkun qed ngħid xejn straordinarju jekk ngħid li dan ir-raġel m’għandu xejn xi jgħid ħlief li jattakka lil ħaddieħor, bla ideat u mingħajr sustanza, in-narrattiva tiegħu hija li jattakka lil Joseph Muscat. Vera li l-Prim tah tliet tkaxkiriet wara xulxin, u forsi ma tantx jarah ħelu, imma almenu, wara 3 snin għandu joħroġ u jgħid ħaġa waħda li tkun suret in-nies. Il-probabiltà hija li qed nitolbu żżejjed.
Ħaġa tal-iskantament imma, anke fis-sewqan jidher li xejn sew. Ħin minnhom Busuttil iwaqqaf il-karozza f’main road, bil-karozzi jistennewh warajh, iwieġeb id-domandi bil-kalma kollha (ġieli jgħolli naqra leħnu biex jipprova jitrasmetti xi forma ta’ awtorità), u f’daqqa waħda, f’din il-main road, arterja prinċipali, jagħmel u-turn ukoll. Dak il-ħin ftakart kemm parla fuq it-traffiku. Jekk kull darba li joħroġ jagħmel hekk, it-traffiku ġa qed joħolqu hu mill-Oppożizzjoni, aħseb u ara, Alla jnixxifli ilsieni, jekk xi darba jkun fil-Gvern.
Lil’ hinn minn dan kollu, din l-imbierka u-turn ta’ Simon fakkritni fil-u-turns kollha li qed jagħmel fil-politika, f’kull qasam politiku imma mhux biss, suppost kellu joqgħod kwiet il-Ħadd iżda kull nhar ta’ Ħadd jispara fuq dak u l-ieħor (jagħmel sewwa għax kull darba li jitkellem jagħtina fuq xiex nħarbxu), suppost kellu jiftaħ kafetterija iżda reġa bdielu, u l-lista tibqa’ sejra fuq l-affarijiet il-kbar. Wieħed minn dawn l-oqsma li sofra minn u-turn goff ta’ Simon huwa l-ambjent.
Ftit inqas minn sena ilu kien laqqa’ Kunsill Ġenerali bit-tema Idea Ambjent, kellu tapit aħdar warajh u għamel sensiela ta’ dikjarazzjonijiet, li f’inqas minn 12 –il xahar wara ġa farrak u kisser kollox. Kien għamel din il-messa in scena għax prova jirkeb fuq il-karru ta’ min ġenwinament kellu mistoqsijiet fuq il-qasam ambjentali.
Apparti l-każ tal-American University of Malta u l-kjass li għamel fuq l-ODZ, tant li kien qal li għalih kull ODZ huwa ODZ, biex ftit wara dan ma baqax u beda jgħawweġ ir-riga mill-ewwel, f’temp ta’ ftit xhur, preċiżament fl-aħħar xaharejn, il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel żewġ frejjeġ oħra għal mal-kollezzjoni vasta tiegħu.
L-ewwel tkellem tant fuq l-ODZ u l-ambjent biex imbagħad irid li l-Freeport ikompli jespandi. Busuttil kompla mat-tradizzjoni tal-predeċessur tiegħu u l-Gvern li kien jagħmel parti minnu u qed jinsisti li jkompli jwaddab kull ħaġa li tniġġeż fis-South. Ma hi assolutament allura l-ebda sorpriza li l-ikbar dagħwa ambjentali għamilha mill-fatt li ma jridx il-qalba għall-gass u huwa favur aktar tniġġiż billi jrid li l-ġenerazzjoni tal-elettriku tibqa’ ssir permezz tal-Heavy fuel oil. Hawnhekk Simon ukoll kompla mat-tradizzjoni. Gvern Nazzjonalista kien dawwar wiċċu għall-qalba għall-gass, l-iktar fjuwil nadif u pro-ambjentali, u ħalla l-HFO filwaqt li kienu għaddejjin il-commissions fuq iż-żejt.
Permezz tal-politika tal-enerġija tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l-ambjent ikompli jieħu daqqa ‘l isfel. Simon għażel iż-żejt fuq il-gass, għażel il-power station tal-Marsa miftuħa flok power station magħluqa u għażel li jħalli ċ-ċumnija ta’ Delimara kif inhi, minflok d-decommissioning tagħha.
L-iktar u-turn riċenti, apparti dik tal-karozza, għamlu imma fil-każ tal-fish farms. Mhux biss Simon Busuttil u sieħbu Mario DeMarco kienu parti minn Gvern li baqa’ m’għamel xejn 25 sena sħaħ fuq l-operat tal-fish farms, iżda llum, wara li l-Gvern ħa l-passi li kienu ilhom żmien biex jittieħdu, irid li jkompli aktar tkaxkir tas-saqajn. B’dan l-atteġġjament Busuttil qed jibqa’ jiddefendi lil min iħammeġ, lil min iniġġeż, u qed jiġi jaqa’ u jqum min dak li jgħaddu minnu n-nies, mill-interessi tagħhom.
Agħar minn dan kollu imma ġej mill-fatt, li filwaqt li qed jiddefendi lil kbar, kif qed jagħmel fil-każ tal-operaturi tal-fish farms, illum ħareġ kif Busuttil irid li jkompli jagħti d-daqqiet fuq ras iż-żgħar billi ħareġ kontra l-iskema tar-regolarizazzjoni. Skema li hija mhux biss approvata mill-poplu, billi vvota għaliha fl-aħħar elezzjoni, iżda hija msejsa biex tirregola lil dawk il-familji, li minħabba li għandhom irregolaritajiet żgħar fil-propjetà tagħhom, la jistgħu jbiegħu u lanqas jistgħu jixtru.
Dan huwa sintomu ta’ politiku elitista, li l-mentalità tiegħu hija I’m allright … (u tafu kif tkompli) … li ma jinterssahx miż-żgħir, mill-ħaddiem.
Lil Simon inħalluh ikompli jgħaffeġ fil-karozza, u jagħmel il-u-turns, u nħallu lil dan il-Gvern jiddeċiedi. Għax anke fuq il-qasam Ambjentali li jridha ta’ professur, lanqas huwa x-xitwa fejn in-nieda fejn dak li għamel il-Gvern.
Bir-rota jew bil-karozza, b’Simon imorru lura.