Din frażi li naħseb f’pajjiżna ħadet sura idjomatika. Kważi tesprimi attitudni nazzjonali dwar kif nirreaġixxu meta jkollna nagħmlu xi ħaġa u ma nkunux nafu eżattament x’irridu nagħmlu…jew agħar ma jkollnix aptit inħabblu rasna u mmiddu jdejna minnufih biex neħilsu dak li għandna nagħmlu. Spiss jiġri hekk fejn ma tkunx risponsabbli mija fil-mija mid-deciżjonijiet li trid tieħu għax wara kollox ma jiddependix kollox minnek.
Tagħna u tagħhom
Ma tistax ma tħaresx lura u tiftakar li sa mill-ewwel qawwiet li ħoloq il-kolonjaliżmu – aktarx il-Puniċi minn Kartaġni – min iqabbdek tagħmel xi ħaġa awtomatikament jidħol risponsabbli biex jara li ssir. Fi ħwejġek aktarx tħaffef ftit aktar – bozza maqtugħa d-dar jekk ma tbiddilhiex tibqa’ fid-dlam, ukoll jekk hawn min biex jasal ibiddilha jista’ jieħu ż-żmien f’dar fejn ma jgħix waħdu! L-aħħar esperjenza kolonjali tagħna kienet dik tal-Brittaniċi. Frażi komuni f’dawk is-sekli kienet ‘tħallas il-Kuruna’ jew ‘jaraw huma’. Forsi mill-indipendenza ‘l hawn tgħallimna ftit meta rajna li ‘huma’ m’għadhomx hawn u kull gvern li jmexxi l-pajjiż huwa ‘aħna’. Tgħiduli l-vizzju għadu hemm. Tintebaħ minn kemm m’għandniex sens ta’ kburija u minn kemm rari nuru li ‘hawn issa tagħna’ (ownership). Naqas, imma għadek issib min jiknes quddiem il-bieb u jressaq kollox għal nofs it-triq jew fil-ġemb bla ma jagħti każ li dak il-ġemb hu parti minn pajjiż li jien u int risponsabbli għal kull roqgħa, ukoll fejn mhux propjetà tagħna, ukoll fejn ma jiddependix minna li nnaddfuh. Żgur tibqa’ dejjem responsabbiltà tagħna li ma nħammġuhx!
Poter mill-istorja u “sorry”
L-Amerikani jħobbu l-espressjoni laidback, speċi tħalli kollox għaddej, ma teċċitax ruħek wisq u fejn tista’ ddawwar wiċċek. Imqar jekk tistudja l-puntwalità. Naqset. Sas-snin sittin konna naraw amministrazzjoni mgħobbija bis-suldati u ex-servizzi fejn kulħadd imdorri jiċċaqlaq b’xi suffara jew kmand. Meta kont naħdem it-Times dak iż-żmien kien hemm diversi li kienu jiġu mis-servizzi u anki t-ton tal-vuċi tagħhom fiha nfisha kienet kmand. Qatt innutajtu l-pulizija. Ġuvintur li fil-ħajja kienu jitkellmu normali jieħdu attitudni ġdida wara li fit-toroq jidraw kmandi importanti: imxili, ċaqlaqli, waqqaf, tgħaddix minn hawn. Meta ssib ruħek fi struttura ta’ dixxiplina, tittieħed u tibda ssegwiha. Fejn ma tkunx tintreħa bħalma jidher li qed jiġri llum aktar minn dari.
Sintendi jien ma nippreferix sistema ta’ dominanza minn xi ħadd li l-uniku poter li għandu tagħtulu l-istorja, spiss b’ingann, saħħa żejda jew makkakkerija. Imma mhux l-Ingliżi biss kienu jimxu mal-arloġġ. Malta għandna tradizzjoni qadima – sa mill-medjuevu – ta’ reliġjużi jgħixu fil-kunventi fejn ħajtek regolata minn qanpiena, ħinijiet partikulari u dixxiplina ta’ talb, meditazzjoni u ubbidjenza. Meta tpoġġihom flimkien kellna esperjenza twila ta’ sekli fejn kull min jikkmanda fostna kien jew reliġjuż jew suldat. Titgħallem issegwi u tibża’ li tiżbalja jekk ma tagħmilx li jgħidulek. Ikollok bilfors titgħallem tgħid “sorry” għal kull żball li tagħmel. Tant daħlet ġo rasna din l-imbierka “sorry” sforz il-biżgħa, li llum bi żball kbir spiċċajna ngħidu “sorry” anki flok ‘skużi’. U l-kbira hi li kull min jiġi fostna biex jaħdem jew jitgħallem l-Ingliż qed jitgħallem jgħid “sorry” bi żball ukoll. Biżżejjed tkun fuq tal-linja biex tara l-barranin, bħal ħafna Maltin, jgħidulek “sorry” biex twarrab ħa jinżlu.
Dil-mentalità li toqgħod gallerija u tħalli d-dinja għaddejja narawha kullimkien. Il-kwistjoni tal-irziezet tal-ħut hu każ preċiż. Għaddew is-snin, ir-regoli nkisru u baqgħu jabbużaw għax min kien inkarigat jara x’inhu jsir probabbli stennihom jagħmlu xi ħaġa filwaqt li l-ħatja kienu qed jistennew x’reazzjoni se jagħmlu ta’ fuqhom jekk huma ma jagħmlu xejn! Ma ssibx tarf. Spiss nisimgħu min jgħid: ma kontx naf, fejn tobsor, ħeqq tgħid ġiet hekk…u iva… issa naraw!
Effiċjenza
L-efficjenza trid tkun fik. Teżisti kultura f’ċerti pajjiżi ngħidu aħna bħall-Isvizzera fejn anki t-tfal iwaqqfuk jekk titfa’ karta fl-art. Xi snin ilu kont spiss ngħaddi b’kowċ mill-Italja għall-Isvizzera meta nħallu Chiasso fuq il-fruntiera. Kienu jitilgħu suldati u tad-dwana jfehmu lin-nies li kelli miegħi biex jħarsu l-indafa kullimkien. Kienu jarawna fuq pullman bit-targa ta’ Ruma u allura kienu jaħsbuna (u ma tantx kienu jiżbaljaw) li konna Taljani. Illum nistqarr ma nafx għadhomx isibu tarf l-indafa bl-eluf ta’ emigranti u allura b’kultura oħra li gejjin mil-Lvant u l-Afrika.
U din iġġibni nitkellem fuq l-emigranti. Għal bosta minnhom, imsieken, li f’Malta u Għawdex qed jimxu f’toroq bl-asfalt, fejn aħna organizzati ċivilment, ġa progress kbir u għalhekk jistgħu ma jgħinuniex biex jesiġu livelli aħjar. Dawk li ġejjin mill-Unjoni Ewropea, l-aktar tan-Nord ghax fil-Meditteran borma waħda, ħafna minnhom isibuna nbatu minn apatija u ftit maħmuġin. Ħares lejn bosta postijiet, bankini u termini tal-karozzi tal-linja. Jekk ma jkunx skart, ikun nuqqas ta’ ħasil tal-art. F’pajjiż fejn ma tagħmilx xita, filwaqt li nibżgħu għall-ilma missna naħslu t-toroq kollha ewlenin bl-ilma kuljum. Pariġi nieħu gost nisma’ dak l-ilma ġieri għaddej fil-boulevard u jgelgel lejn ix-xquq miftuħa taħt il-bankina biex jiġbor it-trab u l-weraq fil-ħarifa.
Semmejt l-effiċjenza. Bidla qed isir. Ibda l-ewwel mill-gvern preżenti li għadu għaddej b’ritmu rekord ta’ effiċjenza fejn bosta ħwejjeġ qed isiru, deċiżjonijiet jittieħdu u dati, sa fejn hu possibli jinżammu. Dan ġa pass kbir fuq ċerta apatija li konna naraw fit-tmexxijiet imgħoddija. Sintendi ma tridx tesaġera u tgħaġġel iżżejjed (Mintoff kellu ħabta jagħmilha) għax tispiċċa biex tiddeciedi xi ħaga bla ma tirrifletti biżżejjed fuqha.
Żewġ aħbarijiet pożittivi
U nagħlaq b’żewġ aħbarijiet pożittivi li ħarġu dil-ġimgħa. Waħda li ż-żewġ eks potenzi tad-dinja – l-Istati Uniti u r-Russja – qed jippruvaw jiftehmu fis-Sirja (fl-istil tal-paċi li jafu jżommu gwerriera b’aġendi ambizzjużi). L-oħra li l-Awtorità tal-Ambjent se tappella d-deċiżjoni tat-torri ta’ tas-Sliema. Jalla t-tnejn li huma jaslu jagħtu ġieħ lil-Lvant Nofsani u lilna bħala nazzjon kif ukoll lill-awtoritajiet involuti. Jalla jnaqqsu wkoll l-arroganza (anki jekk min jagħmilha ma jintebaħx li hi arroganza) li għax tiflaħ, tħawwel. Il-progress sabiħ iżda li tgħaddi minn fuq ħaddieħor bla ma tirrispettah – liġi u mhux liġi – hu pjuttost rigress. Tagħna l-Maltin kommunità żgħira, nistgħu naslu niftehmu fuq kollox. Kulma rridu hi ftit umiltà biex naċċettaw li nistgħu niżbaljaw, nistgħu nabbużaw, nifilħu nbiddlu u jmissna nisimgħu lill-oħrajn il-ħin kollu. Is-saħħa finanzjarja, jekk ikollok, faċli turiha; il-qawwa tal-influwenza faċli tħaddimha. Il-qawwa tal-paċi, tal-umiltà u d-dixxiplina (restrain) aktar diffiċli iżda aktar onorevoli. Jekk nkunu lkoll onorevoli mhux biss ir-rappreżentanti tagħna fil-parlament, il-pajjiż jirbaħ.
Ritratt f’ras il-blog: juri bblukkjar ta’ Triq l-Ifran dil-ġimgħa filgħodu. Nibżgħu hafna għall-Belt. Jekk, permess u mhux permess tidħol, issuq u tipparkja b’rispett lejn l-istess belt, lejn ir-residenti u lejn kull min juża t-toroq, ukoll passiġġieri tkun qed tagħmel progress.
Ritratt tal-ġimgħa: nifraħ mal-poplu li s-Sette Giugno sejjer lura f’postu (ma ħambaqtx għalxejn das-seba’ snin!). Jalla ma nsibux min jipparkja quddiemu (anki Hastings ġrat – ara ritratt) u jalla l-misraħ jibda jissejjah Misraħ Malta kif sewwa u xieraq.