Jien u nieżel mir-rawndebawt (bl-Ingliż roundabout) ta’ Santa Luċija lejn il-pjazza ta’ Raħal Ġdid, f’salib it-toroq ma stajtx inkompli nsuq. Waqafna f’daqqa. Bit-tlikki t-tlikki bdejt noqrob lejn iċ-Ċentru tas-saħħa (mhux dak il-proġett kbir ta’ Fearne qed ngħid, tax-Xrajber, dak li dalwaqt jibda jgawdi minnu l-poplu, l-ieħor li għad hemm bħalissa) u f’daqqa waħda skoprejt x’kien qed iżomm it-traffiku. Għax qegħdin sew ta aħna l-Maltin, ibda minni l-ewwel wieħed! Tlett karozzi l-aqwa li bil-ħażardlajts (bl-Ingliż hazard lights) mixgħulin, weqfin quddiem tal-pastizzi u mblukkaw il-lane.
Jien u għaddej ittawwalt kemm kemm lejn il-ħanut. Tlett persuni li żgur li kien jaqblilhom jipparkjaw żewġ kilometri ‘l bogħod u jimxuha, ħalli ma jżidux mal-obeżitá grassa li kellhom, b’ikla pastizzi tal-ħaxu. “Imma x’tagħmel”, Għidt bejni u bejn ruħi. L-aqwa li ngergru għat-traffiku li hawn u ma nħarsux u niflu sew x’qed nikkontribwixxu aħna stess mal-problema.
Hekk kif dieħel minn ħdejn il-pompa tal-petrol lejn fejn noqgħod, l-istess. Karozza ġejja sparata biex toħroġ lejn it-tajdallejn (Bl-ingliż tidal lane) meta hemm sinjal tat-traffiku li ma tistax toħroġ minn hemm. Tsunami highway irridu nagħmlu, mela tidal lane! Dal-guvnott ħares lejja u… “X’qed tħares bl-ikrah, int?”.
“Skużani sieħbi, l-ewwel nett tgħajjarnix bid-difetti li għandi jekk jogħġbok u t-tieni taf li ħiereġ ħażin? Ma tistax tgħaddi minn hemm!”. Ma nistax nikteb hawn bl-ilsien Malti x’qalli lura, għax ikun hemm xi tnejn li jidgħu u jfaqqgħu l-kliem ħażin bl-Ingliż li jiskruplaw. Imma nsomma.
Ma tajtx każu u bdejt intawwal rasi ħalli nara fejn se nipparkja. Għax saret problema biex issib żewġ metri spazju ħalli tipparkja. Quddiem Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel kienet tidħol, imma billi jien beżżul, kif eżatt nipparkja, kont nisma’ leħinha jgħajjatli. Biex ma ntawwalx, dort dawra u sibt, post. Ħeqq, nimxu naqra Etienne ħi. Għandek bżonn int ukoll tneħħi ftit sonża.
Anyway (Bil-Malti eniwej). Fl-aħħar kont id-dar. Bil-fann idur fuqi, naħdem fuq biċtejn li kont ġibt mix-xogħol. Bless! Kont komdu, naqra ilma friska bil-kjubs tal-meraq tal-lumi ffriżati ġo fih.
“Ding dong”. (Il-qampiena tal-bieb propja propja mhux hekk iddoqq. Imma ma kontx naf x’se naqbad nikteb biex nagħmel il-ħoss tal-qampiena).
Min il-Aħba ġie? Għax tlift il-qe! Xrift rasi mill-gallerija. Hemm f’nofs ta’ triq tħares ‘l fuq lejn l-aperturi, b’idejha t-tnejn fuq ġenbejha, kien hemm hi, kollha kemm hi, the one and only. Ċensina ta’ faċċata tiegħi żewġ bibien ‘l isfel! Fakk!! (Bl-Ingliż tafu kif tinkiteb ejja!)
“Ejja naqra Ajtjen ħi għax għandi kompjuter ma jridx jaf!” Issa jien m’inix xi espert, imma għal Ċensina, li naħdem fuq il-kompjuter kien biżżejjed biex insolvilha l-problemi tekniċi tagħha. M’hemmx x’tagħmel. Ikolli mmur hux.
Dħalt għandha. “Ejja ħaffef ta, għax jekk ma noqgħodx indawwar naqra ‘l hemm u ‘l hawn fuq fejsbuk nara l-ipokresija ta’ ċerti nies li jaħsbu li kulħadd ibagħti bid-dimensja, ma nkunx naf li għaddiet ġurnata ta!” “Ċens”, għidtilha hekk kif għafast il-buttuna biex nixgħel il-pee see, “Int x’windows għandek?”
“Ara l-ieħor”, wieġbet pronta pronta, “l-anqas li mhux ġieli dħalt hawn ġew, mhux tal-aluminju?”.
Inqerr magħkom. Ipprovajt inżomm. Imma ma stajtx. Infqajt f’daħka qisha ta’ aħba f’xalata (għax erġajt tlift l-qe!”. Kont naf x’ġej għalija. Imma.
“Biex qed tidħak, li ma ngħidlekx! Qed titkessaħ miegħi Atejn? Xi ħsibtni xi waħda ta’ wara s-sur jew? Qed tipprova titmejjel bija Ajtjen, e? Mela ħsibtni xi waħda ta’ quddiem Sajmin jew? Dawk li jitmejjel bihom bl-invenzjonijiet u t-tgħawwiġ tal-fatti?”
“U ejja Ċens… “
“U ejja Sajmin, x’u ejja Ċens! X’kull waħda wkoll! Hekk sew, mela lill-Laburisti kollu kummiedji u jridhom iwarrbu u jirreżenjaw u qed iħammru wiċċ il-pajjiż u mitt ħaġa oħra, u lil Said qed ifaħħru għax bit-tgħassida li għamel f’tal-Kunsilli ħareġ it-tajjeb ħej! Dan kejl ġust e! Patri tfilju… Mela jekk tgerfex, skond x’joħroġ mit-tgerfix issa, għal Sajmin. Puuuu… U smajtha l-aħħar waħda? Il-ġid u s-saħħa fl-ekonomija li hawn fil-pajjiż, li anki l-barranin qed ifaħħruha, dak skond l-għaref ta’ Salamun, riżultat ta’ gvern Nazzjonalista ta’ qabel. Iġbidli sieqi Ajtjen ħi, ħa nfaqqa’ daħka jien ukoll!”
Hekk kif daħlet iġġib “xi ħaġa friska”, komplejt nara x’kellu l-pee see ta’ Ċensina. Xejn gravi. Biċċa wajer maqluħ minn postu. X’aktarx ħa daqqa ta’ mopp jew biċċa tal-art.
“Hawn ħa iffriska naqra”. Sabtitli tazza ruġġjata tal-lewż quddiemi. Naħseb li waqt li kienet fil-kċina qed tkewwes l-ilma mal-essenza, kienet kompliet tirrixpa fuq Sajmin. Għax iġibek titkellem waħdek dal-bniedem e!
“Mhux qed tinduna li reġgħet daret ir-rota u ġejna bl-istess argumenti u tfixkil ta’ meta dawn il-marelli jkunu fl-Oppożizzjoni, Ajtjen? Tgħidx lili ta, għax naf x’qed ngħidlek. Mhux qed tinnota li nibtu skoss “soċejtá ċivili, għaqdiet, frontijiet, u x’naf jien, jopponu li jitkellmu kontra kull ma jagħmel il-gvern ta’ Joseph jew? Mhux qed tinduna li qed jagħmlu minn kollox biex isem Malta tagħna jitpinġa ħażin mal-barranin? Ġej jgħid li Malta ma jistax ikollha presidenza tal-Unjoni jekk ma’ Joseph ikun hemm Konrad, Scerri u Mifsud… Puuu kemm hu għajjur marelli santa ħniena! Aħjar iħares lejn il-mera, u jġiegħel jagħmlu hekk lil ta’ madwaru, ta’ ħdejh u ta’ taħtu! U jwaqqafhom milli jħammġu lil Malta! X’kull waħda u x’kull waħda wkoll, Alla l-imbierek itini l-paċenzja u s-sabar!”
Hekk kif ressqet it-tazza ma’ xuftejha biex tieħu bela’ ruġġjata, pprovajt bħas-soltu nfendi waħda…
“Ara Ċensina, kritika bil-fors ikun hemm… “
“X’kritika hi?” Wieġbet sħuna sħuna Ċensina. “Kritika taf kif għandha tkun, anzi int support taf! Taf x’tikkritikali Ajtjen? Il-proġett li ħabbar Joseph tagħna għal Marsaxlokk. Taf x’tikkritikali Ajtjen? Ix-xogħol li hawn fil-pajjiż! Staqsi lill-oħti Pawlina. Ir-raġel tagħha kien ilu qiegħed ma nafx kemm u Alla jbierek mhux sab post hu biss, imma anki n-neputi qed jaħdem issa wkoll, issa dawk mhux magħna ta, għax kien dawwarhom il-kunjatu t’oħti, ja purċinell li hu, Alla jtih il-Glorja tal-Ġenna!”
Ħadt bela’ ruġġjata tal-lewż morr jien ukoll. Kelli aptit nonfoħ naqra fih ħalli nara l-bżieżaq tilgħin fil-wiċċ, kif kont nagħmel meta kont żgħir bi stro (Bl-Ingliż straw)(U bil-Malti tista’ tgħid kannuzza wkoll). Purċinell u Alla jtih il-Glorja tal-Ġenna. Buqq. Kultant ma nifhimx jien!
Bdejt nisma’ qisu tgedwid mill-bogħod, sakemm waqft niċċassa u ndunjat li kienet Ċensina għada għaddejja.
“… U ejja Sajmin! Ħallina ngħixu u ngawdu l-progress u l-ġid li qed iġib il-Gvern ta’ Joseph, x’kull waħda! Għax ara kemm għaddejjin proġetti ta, Ajtjen”
Tajt tjen b’rasi ‘l isfel biex naqbel magħha. Trid tkun l-akbar ċe b’tikka daqs boċċa tal-bawlink biex tgħid mod ieħor!
“U xogħol il-Kappara, ġab miljuni mill-Ewropa ħa jirranġa t-toroq t’hawn isfel ta’ ħdejn iċ-ċimiterju, ara kemm ġew irranġati skejjel, skola f’Għawdex wara ma nafx kemm-il sena li ilu ma jkun hemm skola ġdida… isma int irranġajtu l-kompjuter ħa ndur naqra nirrispondi xi erba’ mbeċilli?”
“Iva, kollu tiegħek Ċens!” “Tajjeb mela żulli min-nofs ħi, ħa nara x’qed iħawwdu u jigdbu dawn…”
Tlaqt ‘l barra mingħajr ma sirt naf x’laqatni. Imma baqa’ jidwi f’moħħi Għawdex.
U ejja Sajmin, give us a break. Mur żur iċ-Ċittadella u ara x’jaf jagħmel Gvern Laburista. E bilħaqq, iċ-Ċittadella riżultat ta’ politika ta’ gvern Nazzjonalista wkoll hux?! Mela darba kien hemm ħrafa ta’ Esopu…