Il-President Amerikan Donald Trump ġie sospiż b’mod permanenti minn Twitter. Il-kumpanija qalet li għamlet dan minħabba riskju li jista’ jerġa’ jinċita l-vjolenza.
Din is-sospensjoni saret wara li fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, persuni li jagħtu s-sapport tagħhom lil Trump għamlu ħerba fil-bini fejn jitlaqqa’ l-Kungress Amerikan magħruf bħala l-Capitol Hill, f’dak deskritt bħala attakk fuq id-demokrazija Amerikana. L-attakk seħħ waqt li l-Kungress kien qed jgħaddi vot biex jiċċertifika r-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali li saret f’Novembru li għadda.
Twitter sostna li din id-deċiżjoni ttieħdet wara li saru reviżjonijiet fuq tweets li ppubblika riċentament Trump.
Kienu bosta nies li matul is-snin appellaw biex Twitter jipprojbixxi l-kont ta’ Trump, bl-aħħar waħda tkun Michelle Obama, il-mara tal-eks President Amerikan Barack Obama; fejn saħansitra appellat biex titwaqqaf l-imġiba monstruża ta’ Trump.