L-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħareġ twissija ħamra biex javża li l-ogħla temperatura għal-lum se tilħaq il-41°C, filwaqt li se tkun qiegħda tinħass mat-43°C.
Dan hekk kif ma hemm l-ebda sinjal li l-mewġa ta’ sħana li qegħdin nesperjenzaw bħalissa se tbatti.
L-Ewropa din il-ġimgħa wkoll qed tesperjenza l-agħar temperaturi għoljin s’issa dan is-sajf, b’riżultat tal-bużżieqa ta’ sħana li qed tiġġebbed fuq in-Nofsinhar tal-Ewropa.
Skont it-tbassir tal-istess Uffiċċju Meteoroloġiku, fis-sebat ijiem li ġejjin l-ogħla temperatura se tkun dejjem ta’ 41°C, għalkemm dan hu l-kejl tat-temperatura kif imbassra fid-dell.
Madankollu, it-temperatura tinħass aktar fix-xemx u meta wieħed jikkunsidra elementi oħrajn bħar-riħ u l-umdità, din togħla ferm aktar.
Sa nhar il-Ħadd, it-temperatura se tinħass li hi 42°C, filwaqt li mit-Tnejn sal-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla se tinħass li hi 43°C.
Il-maġġoranza tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa għandhom temperaturi estremi wkoll.