Ir-raġel tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Amerika, Paul Pelosi jinsab rikoverat minn operazzjoni, li kellha ssirlu b’urġenza, wara li lbieraħ filgħodu ġie attakkat b’martell fir-residenza tiegħu minn raġel ta’ 42 sena. Pelosi li għandu 82 sena ġarrab ġrieħi f’rasu u f’dirgħajh.
L-aggressur jinsab arrestat fuq akkużi ta’ attentat ta’ qtil, madanakollu s’issa għadu mhux magħruf il-motiv wara din l-aggressjoni.
Il-President Amerikan Joe Biden qis dan l-attakk bħala wieħed politiku.
L-attakk tal-bieraħ seħħ ftit aktar minn ġimgħa qabel l-elezzjonijiet ta’ nofs il-mandat fl-Amerika, mument li t-tensjonijiet politiċi jkunu fl-eqqel tagħhom. Fil-fatt, mhux qed jiġi eskluż li jkun hemm aktar attakki vjolenti, u għalhekk, il-pulizija Amerikana bħalissa qed issegwi aktar mill-qrib xi movumenti li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-politiċi.
Ritratt: Carlos Barria/Reuters