Il-Kumissarju għat-Tfal fi stqarrija nnotat li t-tfal huma suġġetti attraenti għar-reklamar ta’ prodotti u servizzi u ma jistax jonqos li hekk kif l-elezzjoni generali toqrob l-immagini tagħhom tintuża wkoll għall-komunikazzjoni politika.
F’pajjiż fejn kulħadd jaf lil kulħadd u d-deni tal-elezzjoni jibda jinhass, il-Kummissarju għat-Tfal tħoss l-importanza li l-adulti jkunu konxji mill-effett li wiri ripetut tal-immagni tat-tfal jista’ jħalli fuq l-istess minuri.
Il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal tagħti lill-minuri l-jedd li jipparteċipaw, jiffurmaw opinjoni u jassoċjaw ruħhom ma’ partit jew ieħor.
Madanakollu, il-Kummissarju għat-Tfal tħoss li din il-parteċipazzjoni attiva mill-minuri spiss tiġi sfruttata sew minn aġenti kkummisjonati u wkoll minn ġenituri, li jagħtu l-kunsens sħiħ tagħhom għal din il-parteċipazzjoni. Ftit huma dawk li jqisu l-effetti fit-tul tal-parteċipazzjoni tat-tfal fil-kampanji elettorali. Xbihat ta’ minuri fuq billboards u materjal politiku ieħor jistgħu xi kultant iwasslu għal ibbuljar kif ukoll għal diskriminazzjoni.
Għal din ir-raġuni, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal talab lill-Awtorita’ Maltija dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur biex tfassal standards għall-parteċipazzjoni tal-minuri f’ komunikazzjoni politika, kampanji elettorali, referenda u kull ma għandu x’ jaqsam mal-votazzjonijiet.
L-Istandard tfassal minn Kumitat Tekniku magħmul minn:
Aġenzija Appoġġ
Alternativa Demokratika
Assoċjazzjoni Maltija Awdjo-Viżiva
Awtorita’ tax-Xandir
Kummissarju għat-Tfal
Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’ Diżabilta’
Partit Laburista
Partit Nazzjonalista
Uffiċċju tal-Kummissarju dwar l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data
Universita’ ta’ Malta – Fakulta’ tal-Benessri Soċjali
Servizz tax-Xandir Pubbliku
L-Istandard joffri linji gwida ċari lill-aġenti kkummisjonati u ġenituri kollha għall-protezzjoni u l-appoġġ lill-minuri fl-istadji kollha tal-produzzjoni.
L-Istandard jeżiġi li qabel il-kunsens tal-ġenituri jsir assessjar minn professjonisti rikonoxxuti fil-qasam soċjali sabiex jiġi żgurat li t-tfal ikunu jafu kif u fejn se jidhru imma wkoll sabiex ikunu konxji minn xi impatt negattiv qabel jinghata l-kunsens.
L-Istandard huwa miftuħ għal konsultazzjoni pubblika sal-Ġimgħa, 26 ta’ Mejju, 2017.