Il-mewġa ta’ sħana se tippersisti madwar il-Gżejjer Maltin b’temperatura massima mbassra ta’ 42°C skont l-allert aħmar tal-METOFFICE.
It-temperaturi tas-sajf jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa. F’mewġa ta’ sħana, wieħed jista’ jiġi deidrat, u l-ġisem jista’ jisħon iżżejjed. Dan jista’ jwassal għal eżawriment tas-sħana jew heatstroke, li t-tnejn jeħtieġu trattament urġenti. Il-heatstroke jista’ jikkawża ħsara serja lil ġismek u jista’ saħansitra jwassal għall-mewt.
Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda ċerti nies huma f’riskju akbar ta’ ħsara serja. Dawn jinkludu:
- Anzjani, speċjalment dawk li għandhom aktar minn 75 sena;
- Trabi u tfal żgħar;
- Nies b’kundizzjoni kronika tas-saħħa bħal kundizzjonijiet respiratorji jew tal-qalb;
- Persuni bi problemi ta’ saħħa mentali;
- Nies li għandhom id-deni minħabba infezzjoni;
- Nies li jabbużaw mill-alkoħol jew jużaw drogi illegali;
- Persuni bi problemi ta’ mobbiltà;
- Nies li huma fiżikament attivi bħal ħaddiema manwali jew sportivi.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa javżaw lill-pubbliku biex jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom mill-effetti tas-sħana u javżaw lit-tabib jekk wieħed jesperjenza sinjali u sintomi ta’ eżawriment tas-sħana. Huwa wkoll rakkomandat li tiċċekkja regolarment fuq l-anzjani u dawk aktar f’riskju speċjalment jekk jgħixu waħedhom.
Biex jiġu evitati l-effetti tal-mewġa tas-sħana:
- Evita s-sħana billi tevita kull espożizzjoni bla bżonn għax-xemx waqt perjodi sħan tal-ġurnata bejn il-11.00am sal-4.00pm;
- Żomm frisk billi toqgħod fl-aktar partijiet friski tad-dar u tax-xogħol;
- Agħlaq il-purtieri fuq kmamar li jiffaċċjaw ix-xemx biex l-ispazji ta’ ġewwa jinżammu aktar friski;
- Ixrob l-ilma regolarment biex tpatti għat-telf u kul aktar ikel kiesaħ;
- Evita likwidi deidratanti. L-alkoħol, il-kafè, it-te u soft drinks bil-kaffeina jistgħu jkunu aktar ta hsara milli jgħinu;
- Ilbes ħwejjeġ ħfief;
- Qatt tħalli lil ħadd f’vettura magħluqa u pparkjata, speċjalment trabi, tfal żgħar jew annimali;
- Evita sforz fiżiku fl-iktar partijiet sħan tal-ġurnata;
- Imxi fid-dell, applika protezzjoni ghax-xemx u ilbes kappell jekk ikollok toħroġ fis-sħana;
- Fittex parir mediku jekk għandek xi tħassib.
Eżawriment tas-sħana u heatstroke
Sintomi ta ‘eżawriment tas-sħana jinkludu:
- Uġigħ ta’ ras;
- Sturdament;
- Dardir u rimettar;
- Dgħjufija fil-muskoli jew bugħawwieġ;
- Ġilda ċara;
- Temperatura għolja.
Is-sintomi ta’ heatstroke jinkludu:
- Uġigħ ta’ ras;
- Dardir;
- Għatx qawwi;
- Ngħas;
- Ġilda sħuna, ħamra u xotta;
- Żieda f’daqqa fit-temperatura;
- Konfużjoni;
- Aggressjoni;
- Konvulżjonijiet;
- Telf tas-sensi.