Diversi twissijiet ta’ maltemp ġew maħruġa fl-Italja fosthom fil-gżira ġarha tagħna Sqallija għaż-żoni ta’ Messina u Katanja.
Iż-żona ta’ Messina inħarġitilha twissija oranġju, b’waħda safra għall-kumplament ta’ Sqallija hekk kif id-dipartiment tal-protezzjoni ċivili qed ibassar xita qalila u rwiefen qawwija bejn illum u għada.
Iż-żona ta’ instabbiltà preżenti għal diversi jiem se teskala matul is-siegħat li ġejjin bil-maltemp mistenni jolqot il-gżira ta’ Sqallija minn fuq il-baħar. L-istess sitwazzjoni mistennija fil-gżira ta’ Sardinja.
Sadanittant tħabbar li llum l-iskejjel f’diversi bliet Sqallin se jkunu magħluqa iżda dalgħodu se jiftħu f’Katanja għalkemm hemm possibilità li jagħlqu kmieni hekk kif il-maltemp mistenni jintensifika.
F’Palermo kienu rrappurtati maltempati bir-ragħad vjolenti u anke għargħar f’ċertu żoni fejn titjira tal-British Airways minn Londra kienet devjata għal Katanja. Il-pumpiera kienu msejħa biex jassistu diversi sewwieqa li inqabdu fil-karozzi f’toroq mgħarrqa bl-ilma.
Skont it-tbassir tat-temp Taljan għada t-temperaturi se jkunu Xitwin hekk kif dawn se jitbaxxew b’bejn 7 u 8 gradi u mistennija l-ewwel borra fl-Alpi.