Twissija Oranġjo: Ir-riħ mil-Lvant għall-Grieg Lvant ser ikun qawwi ħafna fuq il-Gżejjer Maltin, u jilħaq qawwa ta’ riefnu fuq l-inħawi fejn jaqbel. Xita moderata jew qawwija mistennija tolqot lil Gżejjer Maltin. Twissija valida sa 09/2200 u terġa tiġġedded kif meħtieġ.
Din hija t-twissija li nħarġet mill-Uffiċju Metereoloġiku ta’ Malta.
Kif mistenni, il-maltempata Helios hija mistennija li tolqot il-Gżejjer Maltin tard ilbieraħ, hekk kif dipressjoni fit-temp li bħalissa tinsab fuq l-Alġerija qed tgħaddi lejn il-Libja u tagħmel triqitha lejn iċ-ċentru tal-Mediterran.
X’temp se ġġib il-maltempata Helios?
Twissija ta’ riħ qawwi diġà hija fis-seħħ; madankollu, iċ-ċentru tas-sistema ta’ pressjoni baxxa se jkun l-eqreb tal-Gżejjer Maltin bejn illum u għada u jġib miegħu kundizzjonijiet tat-temp aktar ħorox.
Mis-sigħat bikrin ta’ llejla, ir-riħ qawwi ħafna (forza 7) tal-Lvant mistenni jżid madwar il-Gżejjer Maltin, b’buffuri li jilħqu sa 45 knot. Ir-riħ qawwi ta’ llum qed jgħolli l-baħar għal livell qawwi ħafna, bil-mewġ mistenni jilħaq sa ħames metri. Il-pubbliku huwa avżat biex jevita żoni kostali minħabba l-possibbiltà ta’ għargħar.
Il-ħalbiet tax-xita mistennija jsiru aktar frekwenti mil-lejla, bil-possibbiltà li l-Ħamis ikunu bir-ragħad. L-Uffiċċju Meteoroloġiku, fil-fatt, ħareġ it-twissija oranġjo għax-xita u r-riħ.
Minn fejn ġie l-isem Helios?
L-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta huwa membru tal-grupp EUMETNET, flimkien ma’ uffiċċji fl-Italja, is-Slovenja, il-Kroazja, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Montenegro.
Fil-bidu ta’ kull staġun, is-servizzi meteoroloġiċi nazzjonali tal-Mediterran ċentrali jiddeċiedu fuq lista ta’ ismijiet ippreżentati f’ordni alfabetiku li mbagħad jintużaw għal maltempati li jolqtu r-reġjun matul l-istaġun kollu u huma assoċjati ma’ riħ qawwi ħafna u/jew twissijiet ħomor għal preċipitazzjoni.
L-ewwel pajjiż membru tal-grupp li jintlaqat minn maltempata partikolari għandu r-responsabbiltà li jħabbarha. Storm Helios hija t-tmien maltempata li qed tissemma mill-grupp EUMETNET għall-istaġun 2022/2023.
Sistemi ta’ ismijiet bħal dawn jippermettu komunikazzjonijiet aktar issimplifikati dwar il-maltempati u jżidu l-kuxjenza pubblika dwar avvenimenti ta’ temp sever li jaffettwaw diversi pajjiżi.