Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard fi stqarrija innota t-tbassir tat-temp mill-uffiċċju meterojoloġiku, li jindika li s-sħana hi mistennija li titla’ sa 35 grad celsius.
Fakkar lill-pubbliku dwar l-importanza li wieħed jixrob aktar ilma u xarbiet friski fix-xhur tas-sajf, speċjalment f’dawn il-jiem. Spjega li t-temperaturi għoljin jikkaġunaw aktar telf ta’ ilma mill-ġisem li jista’ jirriżulta f’li wieħed jixxotta (dehydration). Espożizzjoni għal ħin twil fix-xemx tista’ tikkaġuna ukoll xemxata.
Is-sħana tista’ taffetwa lil kulħadd, qal id-Direttorat, speċjalment anzjani, trabi u tfal żgħar. Persuni li qed ibatu b’xi kundizzjoni kronika jew huma attivi ħafna, għandhom aktar ċans li jiġu affetwati.
Biex wieħed jevita dawn l-effetti, huwa importanti li:
- Jevita li joħroġ fix-xemx bejn 11.00am u l-4.00pm.
- Joqgħod f’postijiet friski fid-dar jew il-post tax-xogħol.
- Jixrob ilma frisk regolarment u jevita l-alkoħol.
- Jiekol ikel frisk.
F’każ ta’ dubju wieħed għandu jikkonsulta lit-tabib tiegħu.