L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa wissiet li l-varjant Omicron ipoġġi riskju għoli li jerġgħu jiżdiedu l-infezzjonijiet tal-Covid-19 madwar id-dinja.
Il-WHO qalet li l-varjant jista’ jwassal għal konsegwenzi serji f’ċertu reġjuni u appellat għal għajnuna globali biex il-vaċċini jaslu għand il-pajjiżi l-foqra.
Il-varjant instab fl-Afrika t’Isfel aktar kmieni dan ix-xahar u l-ewwel evidenza turi li jpoġġi riskju aktar għoli ta’ infezzjoni.
Bħalissa, xjentisti madwar id-dinja qed jaħdmu biex jiskopru jekk dan il-varjant għandux rabta ma’ riskju iktar t’infezzjoni u ta’ trażmissjoni u kif jirreaġixxi għat-tilqim.
Sa issa l-ebda mewt għadha ma ġiet marbuta mal-varjant Omicron.