Il-kumpanija Meta, is-sid ta’ Facebook, wissiet li miljuni ta’ persuni ġew esposti għal applikazzjonijiet ta’ smartphone li huma iddisinjati biex jisirqu passwords min dan in-netwerk soċjali.
S’issa din is-sena, Meta identifikat aktar minn 400 app “malizzjużi” mfassla għal smartphones li jaħdmu b’software tal-Apple jew Android .
Kelliem għal Meta qal li dawn l-apps jinsabu fil-Google Play Store u l-App Store ta’ Apple u huma moħbija biex ma tindunax li tkun qed tniżżilhom. Fost oħrajn, jinsabu fi programmi li jeditjaw ir-ritratti, f’logħob, servizzi ta’ VPN, u apps li jintużaw biex isir negozju u tranżazzjonijiet oħra.
Dawn l-apps spiss jitolbu lin-nies biex jidħlu bl-informazzjoni tal-kont tagħhom ta’ Facebook. B’dan l-aċċess, ikunu jistgħu jisirqu usernames u passwords.
Il-kumpanija Meta qalet li se tinnotifika lil miljuni ta’ utenti li setgħu ġew esposti għal dawn l-applikazzjonijiet. Saħqet li dawn l-accounts mhux bilfors li ġew kompromessi.