L-espert tal-mard infettiv, il-Professur Paul Hunter qal li l-varjant il-ġdid, Omicron kapaċi jkun dominanti fir-Renju Unit fi ftit ġimgħat.
Huwa stmat li diġà hemm aktar minn elf każ ta’ dan il-varjant, li jfisser erba’ darbiet iktar minn kemm ġew irreġistrati b’mod uffiċjali.
Minn għada se jiżdiedu l-miżuri restrittivi għal kull min jivvjaġġa lejn ir-Renju Unit. Dawn mhux biss iridu jagħmlu test mal-wasla tagħhom imma jieħdu riżultat negattiv qabel jidħlu fil-pajjiż ukoll.
Fl-aħħar sigħat ukoll, żdiedet in-Niġerja fuq il-lista l-ħamra tar-Renju Unit, biex kull min jasal minn dan il-pajjiż Afrikan irid jagħmel kwarantina f’lukanda għal għaxart ijiem.
Fost ħafna kritika li dawn il-miżuri se jidħlu tard wisq, il-Prim Ministru Boris Johnson qal li r-Renju Unit aġixxa malajr ħafna fuq dan il-varjant.
Żied li l-Gvern Ingliż irdoppja n-numru ta’ kmamar fil-lukandi għall-kwarantina b’rabta mal-ivvjaġġar biex ilaħħaq mad-domanda.