Hekk kif it-temperatura qed tkompli tiżdied, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ħareġ parir lill-pubbliku dwar l-importanza li jinżamm idratat tajjeb fix-xhur sħan tas-sajf.
Fi stqarrija, d-Direttoart qal li temperaturi għoljin jikkawżaw li jintilef l-ilma mill-ġisem b’rati mgħaġġla li jirriżultaw f’deidrazzjoni li jista’ jwassal ukoll għal eżawriment tas-sħana jew ‘heatstroke’.
Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd iżda xi nies għandhom riskju akbar, inkluż anzjani, trabi, tfal żgħar, nies b’kundizzjonijiet kroniċi u nies li jagħmlu attività fiżika regolari.
Id-Direttorat wissa dwar l-importanza li:
- Tevita s-sħana billi tevita kull espożizzjoni bla bżonn għax-xemx waqt perjodi sħan tal-ġurnata bejn il-11.00am sal-4.00pm;
- Iżomm frisk billi toqgħod fl-aktar partijiet friski tad-dar u tal-post tax-xogħol;
- Tagħlaq il-purtieri fil-kmamar li jiffaċċjaw ix-xemx biex l-ispazji ta’ ġewwa jinżammu aktar friski;
- Tixrob l-ilma regolarment, filwaqt li tiekol aktar ikel kiesaħ;
- Tevita likwidi li jikkawżaw deidrazzjoni, bħall-alkoħol, il-kafè, it-te u soft drinks bil-kaffeina;
- Tilbes ħwejjeġ ħfief;
- Qatt ma tħalli lil ħadd f’vettura magħluqa u pparkjata, speċjalment trabi, tfal żgħar jew annimali;
- Tevita sforz fiżiku fl-iktar partijiet sħan tal-ġurnata;
- Timxi fid-dell, tapplika protezzjoni għax-xemx u tilbes kappell jekk ikollok toħroġ fis-sħana;
- Fittex parir mediku jekk għandek xi tħassib.
Huwa wkoll rakkomandat li tiċċekkja regolarment fuq l-anzjani u dawk aktar f’riskju, speċjalment jekk jgħixu waħedhom.
Aqra Aktar:
Ritratt: 2019 KieferPix/Shutterstock.