Il-Pulizija ħarġet twissija dwar telefonati li qed isiru fuq WhatsApp minn raġel b’wiċċu mgħotti li warajh tidher l-arma tal-Korp tal-Pulizija.
Fuq Facebook, il-Pulizija Maltija qalet li għadha qed tirċievi diversi rapporti dwar video calls li qed isiru fuq WhatsApp minn numri barranin li iżda juru l-arma tal-Korp Malti.
Meta l-persuni jwieġbu dawn it-telefonati, qed ikellimhom raġel b’wiċċu mgħotti u bi flokk li jagħti lemħa lill-uniformi tal-Pulizija. Huwa qed jitlob dettalji relatati mal-kontijiet bankarji u l-karti tal-kreditu.
Il-Pulizija wissiet li dawn it-telefonati mhumiex qed isiru mill-Pulizija ta’ Malta u kull min jirċievi dawn it-telefonati għandu jinjorahom.