Numru ta’ ġugarelli ġew irtirati mis-suq wara li rriżulta li kellhom livell eċċessiv ta’ kimiċi perikolużi.
Fi stqarrija, id-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq fi ħdan l-MCCAA qal li ġabar total ta’ ħmistax-il ġugarell għall-ittestjar ta’ kimiċi perikolużi fosthom il-phthalates. Il-ġugarelli miġbura jinkludu pupi u kotba tal-plastik, ġugarelli li jintefħu kif ukoll dawk intenzjonati li jilagħbu bihom it-tfal waqt li qegħdin fil-banju. It-testijiet fuq dawn il-ġugarelli saru f’laboratorju akkreditat.
Mir-riżultati li ħarġu mil-laboratorju, instab li erbgħa minn ħmistax-il ġugarell kien fihom livell eċċessiv ta’ di-(2-ethylhexyl) phthalate (DEHP) skont ir-Regolament numru 1907/2006 tar-REACH. Id-DEHP hu magħruf għall-effett li jista’ jħalli fuq il-fertilità kif ukoll jista’ jikkawża xi ħsara lit-trabi fil-ġuf.
Dan wassal biex id-Direttorat ħa l-prekawzjonijiet neċessarji biex dawn il-prodotti jitneħħew mis-suq lokali.
Il-lista ta’ ġugarelli li nstabu li għandhom livell eċċessiv ta’ dan il-phtalate tinsab hawn taħt:
– Foki blu ‘Animal’, intenzjonati li jilagħbu bihom it-tfal fil-banju, bin-numru tal-mudell KR1505193, manifatturati fiċ-Ċina (irreferi għal figura 1);
– Pupa tal-plastik ‘My Lovely Baby Tutu Love’ bin-numru tal-mudell mhux definit u manifatturata fiċ-Ċina (irreferi għal figura 2);
– Pupa tal-plastik ‘Little Miss’ bin-numru tal-mudell NO.160 A B manifatturata fiċ-Ċina (irreferi għal figura 3) u;
– Pupa tal-plastik ‘Elegance’ bin-numru tal-mudell 65078 manifatturata fi Spanja (irreferi għal figura 4).
Stampa tal-ġugarelli:
Dawk il-konsumaturi li xtraw xi wieħed minn dawn il-ġugarelli msemmija hawn fuq, għandhom jieqfu jużawh u jirritornawh minnufih fil-ħanut minn fejn xtrawh.
F’każ ta’ mistoqsijiet jew għal aktar tagħrif wieħed għandu jikkuntattja lill-MCCAA fuq 2395 2000 jew fuq info@mccaa.org.mt.
Din l-inizjattiva saret bħala parti mill-Prosafe Joint Action ‘Chemicals in Plasticized Toys’. Inizjattivi bħal dawn isiru bil-għan li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq fi ħdan l-istati membri Ewropej.