- Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda tipproponi sistema volontarja ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini
Il-UNHCR, li hija l-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijet Magħquda, ħeġġet aktar kawtela fejn jidħol ir-ritorn ta’ immigranti irregolari.
Innotat li tul is-snin, Malta irċeviet numu ta’ applikazzjonijiet għall-ażil minn persuni li kienu salvati fil-baħar u li sabu ruħhom hawn Malta. Qalet li l-maġġoranza ta’ dawn in-nies ingħataw forma ta’ protezzjoni internazzjonali biex ma jmorrux lura pajjiżhom.
Uħud mill-applikanti li kellhom it-talba tagħhom miċħuda ingħataw permess jibqgħu pajjiżna b’mod regolarizzat, taħt protezzjoni umanitarja temporanja. UNHCR qalet li l-għoti ta’ din it-tip ta’ protezzjoni hija biss fid-diskrezzjoni tal-Kummissarju tar-Refuġjati. Dawk li jirriżulta li mhumiex bżonn din it-tip ta’ protezzjoni ġeneralment ma jaqgħux taħt il-madnat tal-UNHCR.
Wara li karifikat dan il-punt, l-aġenzija qalet li tul is-snin pajjiżna alloka riżorsi għall-proċedura tal-ażil, li skontha tibqa’ effiċjenti biss parzjalment u għandha ċertu difetti. Innotat li l-bord tal-appelli għandhu bżonn riforma. Tinsab konxja ta’ ċertu istanzi fejn persuni li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonli minħabba persekuzzjoni f’pajjiżhom ma ġewx identifikat jew rikonoxxuti bħala denji ta’ protezzjoni internazzjonali.
F’dan il-kunest, il-UNHCR ħeġġet lill-awtoritajiet Maltin ikunu iktar kawti meta jaħdmu fuq każijiet ta’ ritorn ta’ immigranti, għaliex jaf ikun hemm minnhom li jkunu għadhom f’periklu minħabba l-persekuzzjoni.
Irrispettivament mill-istatus, ir-ritorn lejn il-pajjiż oriġinali għandu jseħħ b’mod sigur u b’mod dinjituż, skont kif jitolbu regoli Ewropej.
Għalhekk il-UNHCR ħeġġet lill-awtoritajiet jikkonsidraw sistema ta’ ritorn volontarju għal dawk li ma jkunux ingħataw protezzjoni internazzjonali. Qalet ukoll li għandu jkun hemm kampanji ta’ informazzzjoni dwar il-mezzi kif wieħed jista’ jirritorna.
Issuġġeriet proċess ta’ djalogu ma’ organizazzjonijiet fi ħdan is-soċjetà ċivili, sabiex l-istatus ta’ protezzjoni umanitarja temporanja jkun imtejjeb.