Fl-aħħar erba’ snin tressqu mija disa’ u għoxrin persuna l-qorti b’rabta ma’ pickpocketing.
Bl-akbar numru jkun is-sena l-oħra fejn kienu tressqu disa u għoxrin persuna.
Madankollu din is-sena sa Settembru kienu diġa tressqu tnejn u għoxrin biex imbagħad f’ każ ieħor nhar il-5 ta’ Ottubru tressaq grupp ta’ tlettax il-persuna wara operazzjoni mill-Pulizija f’Tas-Sliema.
B’hekk it-total ta’ persuni li tressqu matul l-elfejn u sbatax b’akkużi ta’ pickpocketing jilħaq il-ħamsa u tletin persuna.
Ir-reat tal-pickpocketing jsib l-għeruq tiegħu fi żminijiet antiki u għadu jiddomina sal-lum il-ġurnata fil-pajjiżi kollha ta’ madwar id-dinja.
Reat li jsir l-iżjed minn persuni li għandhom ċertu tattika u ħeffa.
Reat kkunsidrat bħala wieħed faċli għal minn iwettqu hekk kif ma jinkludiex konfronti diretti u għalhekk jonqos ir-riskju li jiġi ddentifikat kif spjegat l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo.
L-Assistent Kummissarju qalet “Aħna nagħmlu l-monitoraġġ u l-analizi tar-rapporti li jkunu daħlu. Jiġi analizzat kull dettal, nibdew liema lokalita’ qed tiġi affettwata fejn l-iżjed qed isir dan ir-reat, min huma l-vittmi, x’ qed jinsterqilhom, fejn qed ikunu l-vittmi wara li jsir dan l-analizi kollu sal-anqas dettall. Minn hemm jibdew l-investigazzjonijiet. Hemm diversi tipi ta’ investigazzjonijiet pero’ jinżlu anke l-Pulizija fit-toroq u tinġabar l-informazzjoni”
Erbatax minn dawn il-persuni kienu ta’ nazzjonalita’ Maltija u l-kumplament kienu ta’ nazzjonalita’ barranija hekk kif ġeneralment dawn ikunu jiffurmaw parti minn gruppi ta’ kriminalita organizzata.
Sostniet li kienu “Persuni ta’ nazzjonalita’ barranija, fosthom Rumeni u Bulgari insibu wkoll persuni mir-Renju Unit, Danimarka u Kosta tal-Avorju u anke mis-Sirja”
F’ dan id-dawl meta xi ħadd jinqabad bħal fil-każ tal-5t’ Ottubru – każ li kien żvela ONE News – jiġu nfurmati mall-ewwel diversi entitajiet internazzjonali dan sabiex isir il-qsim tal-informazzjoni.
L-Assistent Kummissarju qalet li “Isir kuntatt ma’ entitajiet barranin fosthom il-Europol, Interpol u forzi oħra tiramite s-sirene tal-pulizija Maltija għax l-investigaturi jkunu jridu jiġbru aktar informazzjoni u dettalji fuq il-persuna jew persuni li jkunu suġġett għall-investigazzjoni”
Bil-pieni għal dan ir-reat ivarjaw minn każ għall-ieħor. Spjegat li “Tvarja skont il-każ jiġifieri jekk hux attentat ta’ pickpocketing jew pickpocketing perse, jiġifieri r-reat ikun ikkunsmat – il-piena hija deċiżjoni finali tal-Qorti. Kellna pieni ta’ sentenza sospiża u kif ukoll ta’ ħabs efettiv”
Il-mira tal-pick-pocketers tkun postijiet b’ konċentrazzjoni kbira ta’ nies bħal ‘Bus Stops’, karrozzi tal-linja, ċentri kummerċjali u ħwienet – b’ l-aktar lokalitajiet popolari jkunu Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Belt Valletta.
L-Assistent Kummissarju Mamo appellat biex in-nies jżommu għajnejhom aktar miftuħa f’dawn żminijiet ta’ festi.